top of page

L-Għana Malti Ħaj Illum - Simpożju Nazzjonali tal-Għana - Festgħana fil-Ħarifa

Verdala Palace

17 October 2026

09:00

**L-Għana Malti Ħaj Illum** huwa simpożju nazzjonali fil-Palazz Verdala li jiġbor riċerkaturi, akkademiċi u prattikanti biex jiddiskutu l-preservazzjoni, l-arkivjar, l-improvizzazzjoni, il-mużika, l-oralità u l-futur tal-għana Malti. Il-programm jinkludi erba’ panels, diskussjoni finali u sessjoni t

L-Għana Malti Ħaj Illum – Simpożju Nazzjonali dwar l-Għana Malti


DAN L-AVVENIMENT HUWA B'XEJN, IMMA IR-REĠISTRAZZJONI MINN QABEL HIJA MEĦTIEĠA


L-Għana Malti Ħaj Illum – Simpożju Nazzjonali dwar l-Għana Malti

Nhar is-Sibt 17 t’Ottubru 2026, il-Palazz Verdala se jilqa’ L-Għana Malti Ħaj Illum, simpożju nazzjonali ddedikat lill-passat, il-preżent u l-futur tal-għana Malti.

Is-simpożju huwa organizzat mir-Reġjun Punent, b’kollaborazzjoni ma’ Festivals Malta, id-Direttorat tal-Kultura u l-Fondazzjoni M3P.

Matul il-ġurnata, riċerkaturi, akkademiċi u prattikanti se jiltaqgħu għal sensiela ta’ taħditiet u diskussjonijiet li se jħarsu lejn l-għana minn diversi perspettivi. Fost it-temi diskussi se jkun hemm il-preservazzjoni u l-arkivjar tal-għana, l-etnomużikoloġija, l-istrumenti tradizzjonali, il-memorja u l-improvizzazzjoni, l-oralità, l-ispazji pubbliċi fejn l-għana jibqa’ jiġi pprattikat, ir-riċerka kontemporanja u r-rabta tal-għana mal-UNESCO.


PROGRAMM

08:15 – Reġistrazzjoni u kafè


09:00 – Ftuħ Uffiċjali tas-Simpożju

L-Onor. Alison Zerafa Civelli, Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħolijiet Pubbliċi


Is-Sur Sandro Azzopardi, President tar-Reġjun Punent


09:15 – Diskors introduttorju: L-Istat tal-Għana Malti

Prof. Toni Sant


09:45 – Panel 1: Il-Preservazzjoni tal-Għana

Chair: Dr Jeanine Rizzo


Dr Steve Borg – Il-Bżonn ta’ Sforz Nazzjonali għall-Preservazzjoni tal-Għana

L-għana Malti huwa forma ħajja ta’ wirt kulturali intanġibbli, u l-preservazzjoni tiegħu ma tistax tkun limitata biss għad-dokumentazzjoni tal-forom tradizzjonali tiegħu. It-taħdita se teżamina l-ħtieġa għal strateġija nazzjonali u koordinata li tinkludi r-riċerka, l-arkivjar, it-trasmissjoni tal-għarfien u l-involviment tal-komunitajiet.


Se jiġi diskuss ukoll il-bilanċ bejn il-kontinwità tat-tradizzjoni u l-kapaċità tagħha li tadatta għal realtajiet kulturali u soċjali ġodda, sabiex l-għana jibqa’ jgħix, jevolvi u jiġi mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet futuri.


Is-Sur Charlo Pisani – L-Għana Malti u l-Kultura tal-Bootlegs

Din it-taħdita se tesplora r-rabta bejn ir-recordings tal-għana Malti u l-kultura tal-bootlegs, jiġifieri recordings magħmula b’mod mhux uffiċjali. Minkejja l-konnotazzjonijiet li ħafna drabi jiġu assoċjati mal-kelma, dawn ir-recordings jistgħu jkunu ta’ valur importanti għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali.

Se jiġi diskuss kif recordings informali magħmula waqt serati, festi u laqgħat privati jistgħu jippreservaw vuċijiet, stili, stejjer u modi ta’ interpretazzjoni li ma jinsabux f’arkivji jew recordings kummerċjali. It-taħdita se tħares ukoll lejn il-proċessi ta’ restawr, diġitalizzazzjoni u dokumentazzjoni, u lejn ir-rwol tal-kolletturi u l-komunitajiet fil-preservazzjoni tal-memorja kollettiva.


Prof. Toni Sant – L-Impatt tax-Xandir Kolonjali fuq l-Għana Malti

It-taħdita se tħares lejn l-impatt li kellu x-xandir fuq l-għana Malti, b’mod partikolari matul il-perjodu bejn l-1935 u l-1975.


Mill-ħolqien tar-Rediffusion fis-snin tletin sal-ewwel snin tax-xandir nazzjonali, ix-xandir f’Malta kellu rwol importanti fil-mod kif il-mużika Maltija kienet ippreżentata u mifhuma. Prof. Sant se jesplora t-tensjoni bejn l-għana bħala espressjoni ta’ awtentiċità lokali u l-parametri imposti minn sistema ta’ xandir kolonjali u ċentralizzata, filwaqt li jistaqsi kemm l-effetti ta’ dak il-perjodu għadhom jinħassu sal-lum.


11:15 – Waqfa għall-kafè


11:30 – Panel 2: Nifhmu l-Għana f’Kuntesti Mużikali

Chair: Prof. Jean Paul Baldacchino

Prof. Philip Ciantar – L-Għana: Etnomużikoloġija u Esperjenzi

Din il-preżentazzjoni se tħares lejn l-għana mill-perspettiva tal-etnomużikoloġija, jiġifieri l-istudju tal-mużika fil-kuntest soċjali u kulturali tagħha.


Prof. Ciantar se jirrifletti fuq l-esperjenza tiegħu fir-riċerka etnografika tal-għana u fuq kif dan l-approċċ jgħinna nifhmu mhux biss il-mużika nnifisha, iżda wkoll in-nies li jagħmluha, il-kuntesti li jagħtuha tifsira, il-valuri, il-prattiċi u l-esperjenzi li jdawruha. It-taħdita tenfasizza kif il-mużika ma teżistix f’vakwu, iżda hija marbuta mill-qrib mal-ħajja soċjali u kulturali tal-komunità.


Dr Alex Vella Gregory – Ilħna Mitlufa - Ilħna Misjuba: It-Traskrizzjoni tal-Mużika Popolari tal-Proġett Ilħna Mitlufa

Din it-taħdita se tiffoka fuq ix-xogħol ta’ traskrizzjoni marbut mal-Malta’s Lost Voices Songbook, proġett ibbażat fuq recordings Maltin tas-snin tletin tas-seklu għoxrin.

Peress li ma nstabux spartiti oriġinali ta’ ħafna minn dawn is-siltiet, Dr Vella Gregory ħadem fuq it-traskrizzjoni tagħhom sabiex jinħolqu spartiti adatti għall-użu kontemporanju u l-mużika tkun tista’ tibqa’ tindaqq minn ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. It-taħdita se tesplora l-għażliet mużikali, letterarji u editorjali li jidħlu f’dan il-proċess, u kif it-traskrizzjoni tista’ ssir mezz biex wirt storiku jerġa’ jingħata ħajja.


Dr Anna Borg Cardona – L-Istrumenti Li Akkumpanjaw l-Għana Tul is-Snin

Għalkemm illum l-għana huwa marbut mill-qrib mal-kitarra, it-tradizzjoni tal-għana tmur lura għal żmien ferm qabel l-iżvilupp tal-kitarri li nafuhom illum.

Dr Borg Cardona se tmur lura fl-istorja sabiex tesplora liema strumenti setgħu akkumpanjaw l-għana Malti matul is-sekli. Permezz ta’ sorsi storiċi differenti, it-taħdita se teżamina kif il-mużika, l-istrumenti u l-prattiki marbuta mal-għana nbidlu u adattaw maż-żmien, u b’hekk tagħti stampa usa’ tal-evoluzzjoni tat-tradizzjoni.


13:00 – Ikel ta’ nofsinhar

14:15 – Panel 3: Spontanjetà, Tradizzjoni, u t-Tiġdid Pubbliku


Chair: Is-Sur Ranier Fsadni

Is-Sa. Yanika Schembri Fava – Lil Hinn mill-Ispontanjetà: Il-Memorja fl-Improvizzazzjoni tal-Għana Malti

Din it-taħdita se tikkunsidra l-improvizzazzjoni fl-għana mhux bħala ħolqien kompletament spontanju, iżda bħala proċess mibni fuq memorja orali u repertorju internalizzat ta’ strutturi lingwistiċi, metriċi u diskursivi.


Schembri Fava se tesplora kif elementi bħar-ripetizzjoni, il-paralleliżmu strutturali, ix-xbihat metaforiċi u mudelli akustiċi jgħinu lill-għannejja biex joħolqu l-vers fil-mument tal-performance. B’dan il-mod, l-improvizzazzjoni tista’ tinftiehem bħala proċess ta’ selezzjoni u rikombinazzjoni ta’ materjal li l-għannej ikun diġà internalizza permezz tal-memorja u l-prattika.


Is-Sa. Yvette Grech Buhagiar – L-Għana bħala Tradizzjoni Ħajja ta’ Oralità, Kreazzjoni u Kommunikazzjoni

It-taħdita se tiffoka fuq l-Għana Spirtu Pront bħala forma ta’ arti performattiva fejn il-ħolqien u l-preżentazzjoni tal-poeżija jseħħu fl-istess waqt u fil-preżenza tal-għannejja, id-daqqaqa u l-udjenza.

Se jiġi esplorat kif l-udjenza hija parti integrali mill-performance u kif il-kelma fl-għana ssir azzjoni, argument u mezz ta’ komunikazzjoni. Permezz tal-botta u risposta, il-personalitajiet performattivi u l-interazzjoni bejn il-parteċipanti, tinħoloq realtà performattiva li mhux biss tagħti gost lill-udjenza iżda ssaħħaħ ukoll ir-rabtiet fi ħdan il-komunità tal-għana.


Is-Sur George Mario Attard – L-Għana ta’ Filgħodu fi Spazji Pubbliċi

Din it-taħdita se tħares lejn is-sessjonijiet tal-għana ta’ filgħodu, li spiss iseħħu f’ħwienet tax-xorb, każini u spazji pubbliċi oħra u li żviluppaw bħala format aktar informali mis-serati tradizzjonali tal-għana.

Dawn l-ispazji jippermettu lill-għannejja, lill-kitarristi u lid-dilettanti jitħalltu flimkien, u jagħtu opportunità lil talent ġdid biex jipparteċipa flimkien ma’ għannejja veterani. It-taħdita se teżamina l-libertà ta’ parteċipazzjoni u esperimentazzjoni li joffru dawn il-laqgħat, kif ukoll ir-rwol tagħhom fit-trażmissjoni orali tal-għana u fil-formazzjoni ta’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ prattikanti.


15:45 – Waqfa għall-kafè


16:00 – Panel 4: It-Tkattir tal-Għana Malti: Mill-Individwu għall-UNESCO

Chair: Prof. Toni Sant

Dr Andrew Pace + Is-Sa. Kris Polidano – Ir-Riċerka dwar l-Għana f’Magna Żmien


Din it-taħdita se tippreżenta l-ħidma ta’ Magna Żmien, fondazzjoni u arkivju komunitarju ddedikat għall-ġbir, id-diġitalizzazzjoni, il-preservazzjoni u r-riattivazzjoni tal-wirt awdjoviżiv ta’ Malta u tad-dijaspora Maltija.


Il-kollezzjonijiet jinkludu films tad-dar, ritratti, recordings tal-ħoss, mużika tradizzjonali u materjal marbut mal-għana. It-taħdita se tħares lejn kif dawn il-kollezzjonijiet jistgħu jsiru aċċessibbli għal riċerkaturi u artisti sabiex jiġu studjati, interpretati u attivati mill-ġdid.


Permezz ta’ diversi eżempji ta’ riċerka u xogħol artistiku li nħoloq minn materjal arkivjali, se jiġi esplorat il-kunċett tal-arkivju mhux bħala repożitorju statiku tal-passat, iżda bħala riżorsa ħajja li tgħaqqad il-memorja, ir-riċerka, l-għana u l-prattika artistika kontemporanja.


Prof. Jean Paul Baldacchino – L-Għana, il-UNESCO u lilhinn minnhu


L-għana ġie inkluż fil-Lista Rappreżentattiva tal-UNESCO tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Umanità fl-2021.

Prof. Baldacchino se jispjega xi tfisser din l-inklużjoni u se jħares lejn in-natura u l-għan tal-inizjattivi tal-UNESCO għas-salvagwardja tal-wirt kulturali intanġibbli. Permezz tal-esperjenza tan-nomina tal-għana Malti, it-taħdita se tispjega l-kriterji u l-istadji differenti involuti fil-preparazzjoni tad-dossier, filwaqt li tikkunsidra wkoll il-futur tal-għana u l-impatt tal-inklużjoni fil-lista tal-UNESCO.


17:00 – Diskussjoni u kummenti tal-għeluq: L-Għana u l-Mużika Maltija: X’Se Jirtu ta’ Warajna?


Bil-parteċipazzjoni tal-parteċipanti kollha.

Il-ġurnata ta’ diskussjoni tintemm b’konverżazzjoni kollettiva dwar il-futur tal-għana u l-mużika Maltija, u dwar x’se jiġi ppreservat, żviluppat u mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.


18:00 – Għana fil-ġnien tal-Palazz Verdala

Il-programm ikompli fil-ġnien tal-Palazz Verdala b’sessjoni ta’ għana minn Ġużeppi Spagnol u d-daqqaqa tiegħu, flimkien ma’ riċeviment.


L-Għana Malti Ħaj Illum jagħmel parti mill-ewwel edizzjoni ta’ Festgħana fil-Ħarifa, u joħloq spazju fejn ir-riċerka, il-prattika, l-arkivji u l-komunità jiltaqgħu biex jiddiskutu mhux biss kif l-għana jista’ jiġi ppreservat, iżda wkoll kif jista’ jibqa’ ħaj, jinbidel u jkompli jiġi mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Is-simpożju huwa organizzat mir-Reġjun Punent, b’kollaborazzjoni ma’ Festivals Malta, id-Direttorat tal-Kultura u l-Fondazzjoni M3P.


Festgħana fil-Ħarifa huwa appoġġjat mill-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, u sponsorjat minn Coca-Cola u RIDT – University of Malta Research Trust.

bottom of page