top of page
  • Writer's pictureFestivals Malta

Festivals Malta iniedi kampanja ta’ għarfien dwar il-festi nazzjonali


Festivals Malta hija l-Aġenzija Nazzjonali tal-festivals f’pajjiżna. Apparti minn numru kbir ta’ festivals li din l-Aġenzija torganizza, għandha ukoll il-ħames festi Nazzjonali li hija responsabbli minnhom f’dik li hija organizzazjoni. Matul din is-sena, Festivals Malta qed iniedi proġett interessanti, dan sabiex jinħoloq aktar għarfien dwar dawn il-ġrajjiet storiċi li jgħamlu parti mill-identità tagħna bħala pajjiż.


Għal din il-kampanja mifruxa fuq sena sħiħa, Festivals Malta qed jipproduċi ħames filmati bi stejjer qosra, mibnija madwar il-festi Nazzjonali kollha, bl-isem ta’ ‘Ġrajjiet Li Sawwruna, Niċċelebraw lil Malta’. Dan il-proġett qed jiġi mniedi permezz tal-ewwel produzzjoni li huwa marbut b’ viżwal dwar Jum il-Ħelsien li hija l-ewwel festa Nazzjonali tas-sena. Matul is-sena ser joħorġu l-kumplament tal-filmati fl-ordni li fiha jiġu ċċelebrati l-istess festi. F’Ġunju - is-Sette Giugno, f’Settembru - Jum il-Vitorja u Jum l-Indipendenza, u f’Diċembru - Jum ir-Repubblika. Dawn il-filmati ser jiġu mxandra fuq l-istazzjonijiet televiżivi kollha tal-pajjiż f’diversi ħinijiet matul il-ġurnata sa minn ftit jiem qabel kull festa. Festivals Malta trodd ħajr lill-istazzjonijiet lokali kollha tal-koperazzjoni u l-interess lejn il-partrimonju Malti. Apparti minn hekk dawn ser ikunu disponibbli wkoll fuq il-YouTube channel u fuq il-pjattaformi soċjali kollha ta’ Festivals Malta.


Aaron Zahra, Chairman ta’ Festivals Malta, qal li “bħala aġenzija Nazzjonali, Festivals Malta għanda d-dover li mhux biss torganizza dawn l-avvenimenti tant importanti għal Pajjiżna bħala nazzjon, imma li tieħu ħsieb wkoll li tnissel sentiment ta’ patrijottiżmu fil-poplu Malti u Għawdxi, fejn il-poplu jkun mgħarraf tajjeb u kburi b’dak kollu li huwa parti fundamentali mill-identità tagħna bħala pajjiż.”


“L-għan ewlieni ta’ dawn il-filmati hu li jinħoloq iktar għarfien u li nħajjru n-nies, speċjalment it-tfal tagħna, biex ifittxu iktar informazzjoni dwar dawn il-festi, u permezz ta’ hekk inkunu qed nilħqu għan ieħor, dak edukattiv,” saħqet is-Sa Annabelle Stivala, Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta.


Din il-kampanja hija biss waħda mill-inizjattivi ta’ tiġdid li Festivals Malta ser ikun qed iwettaq sabiex jgħamel il-festi Nazzjonali aktar aċċessibbli u aktar relevanti għaż-żminijiet tal-lum.




Comments


bottom of page