top of page
festivalsmalta

Jitħabbru l-pjanijiet tal-proġett fuq iċ-Ċentru għall-Kultura u l-Arti fil-Marsa


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar il-pjanijiet marbuta mal-proġett taċ-Ċentru għall-Kultura u l-Arti fil-Marsa, proġett prestiġjuż li se jixpruna u jħeġġeġ l-arti u l-kultura f'Malta għaż-żmien li ġej. Dan il-proġett se jsir b'investiment ta' €15-il miljun, b'fondi Ewropej se jintużaw fit-twettiq tal-ewwel fażi tal-proġett.

 

Iċ-Ċentru għall-Kultura u l-Arti mhux biss se jkun spazju għall-espressjoni artistika, iżda wkoll ċentru li jgħaqqad komunitajiet u jressaq il-kultura eqreb lejn il-poplu Malti.

 

“Iċ-Ċentru għall-Kultura u l-Arti se jospita varjetà ta' avvenimenti kulturali, wirjiet, u spettakli li se joffru esperjenzi uniċi għall-pubbliku. F'dan l-ispazju, l-artisti, il-kreattivi, u l-esebituri Maltin, inkluż id-dilettanti tal-Karnival, se jkollhom pjattaforma biex jesprimu t-talenti tagħhom, jaħdmu flimkien f'kollaborazzjonijiet ġodda, u jsaħħu l-ekonomija kreattiva ta' pajjiżna. B'dan il-mod, iċ-ċentru se jservi ta' ċentru ħaj għat-talenti u tradizzjonijiet kulturali Maltin, bil-għan li jnissel kreattività u jkompli jkabbar l-industrija tal-arti f'pajjiżna," spjega il-Ministru Owen Bonnici.



“Din l-inizjattiva se toħloq monument ħaj għall-kreattività u l-ispirtu komunitarju tagħna. Għandna fiduċja li dan iċ-ċentru se jkun punt ta' riferiment għall-identità Maltija u sors ta' ispirazzjoni għal ġenerazzjonijiet futuri," temm jgħid il-ministru.

 

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta' Festivals Malta Aaron Zahra stqarr, “Festivals Malta se tibqa' kommessa li taħdem qatigħ sabiex toffri l-appoġġ kollu lil qasam artistiku u kulturali f'pajjiżna. Iċ-Ċentru għall-Kultura u l-Arti fil-Marsa huwa xempju ta' dan, proġett li se jkompli jkattar l-opportunitajiet għas-settur kulturali u artistiku Malti".

 

Dan iċ-ċentru se joffri wkoll programmi edukattivi u inizjattivi mmirati għall-involviment taż-żgħażagħ, bil-għan li jkun spazju miftuħ u inklużiv għal kull membru tal-komunità.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta' Festivals Malta Frans Agius qal, “Dan il-proġett ambizzjuż, minbarra li se joħloq spazji ġodda fejn l-artisti Maltin ikunu jistgħu jesperimentaw u joħolqu l-arti tagħhom, permezz tiegħu isibu spazju fejn jaqsmu wkoll l-ideat tagħhom, jinħoloq djalogu artistiku, u jitgħallmu minn xulxin. Dan huwa żgur proġett li tant huwa neċessarju għall-qasam kulturali u artistiku Malti."​





Comments


bottom of page