Jitħabbar kunċert b’talent lokali biex jitfakkar il-45 sena mill-kisba tal-Ħelsien
Nhar it-Tlieta 23 ta’ April fit-8:30pm, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, se jittella’ kunċert biex jitfakkar il-45 sena mill-kisba tal-Ħelsien u li fih ser jieħdu sehem uħud mill-aqwa talent lokali taħt id-direzzjoni artistika ta’ Mro Paul Abela.
Il-kunċert, li se jkun qed jittella’ mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali fi ħdan Festivals Malta, huwa ispirat minn sensiela interattiva marbuta mal-personalità magħrufa Mario Laus fuq gazzetti stampati li telenka l-aqwa għoxrin kanzunetta tas-sebgħinijiet f’pajjiżna.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali qal li Jum il-Ħelsien din is-sena kien wieħed speċjali għaliex ikkommemora 45 sena minn mindu dan inkiseb lura fil-31 ta’ Marzu, 1979. Waqt li l-jum innifsu tal-31 ta’ Marzu din is-sena ħabat mal-festa tant importanti għall-Knisja Kattolika tal-Għid il-Kbir u ġie immedjatament segwit mill-ħatra ta’ President ġdid ta’ Malta, huwa spjega li l-Ministeru u l-entitajiet konċernati għamlu l-pjani meħtieġa biex wara dawn il-perjodi jitħabbar dan il-kunċert li d-dħul tiegħu se jkun kompletament bla ħlas u hu immirat għall-familja kollha.
Huwa sostna li l-kunċert innifsu mhux biss iservi biex il-familji Maltin u Għawdxin jirriflettu fuq iż-żmien li fih inkiseb il-Ħelsien, imma jipprovdi pjattaforma lil diversi artisti lokali biex jesebixxu t-talenti tagħhom. “Inħeġġeġ lil kulħadd biex ma jitilfux din l-opportunità unika biex nerġgħu ngħixu l-passat u noħolqu memorji ġodda flimkien permezz tal-mużika,” spjega li l-Ministru Bonnici.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret din l-inizjattiva li ser tiċċelebra avveniment storiku f'pajjiżna permezz tal-mużika. Hija qalet li ċelebrazzjonijiet bħal dawn huma importanti sabiex nibqgħu nfakkru fuq il-perseveranza ta' dawk ta' qabilna u li ħadmu favur Malta ħielsa u għal sistema demokratika b'saħħitha.
Iċ-Ċermen ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal, “L-2024 hija sena li matulha ser ikunu qed jiġu mfakkra bosta anniversarji speċjali marbuta mal-Festi Nazzjonali ta' pajjiżna. Din ta' Jum il-Ħelsien hija l-ewwel waħda, b'kunċert kbir li ser ikun qiegħed jikkommemora il-45 anniversarju mill-kisba tal-Ħelsien. Il-Kunċert ser ikun qiegħed isir jiem wara l-ġurnata propja ta' Jum il-Ħelsien b'rispett lejn l-attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, l-Għid il-Kbir u l-ħatra ta' President ġdid tar-Repubblika ta' Malta.”
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali Liam Gauci qal “Dan hu kunċert b'differenza, fejn il-memorja kollettiva tal-1979 sejra tiġi mqanqla permezz ta’ mużika li kienet popolari f’dik is-sena. Hemm ħafna x'jixtarr dwar Jum il-Ħelsien u x'hemm aħjar mill-melodiji li għaqdu l-poplu fil-mixja lejn il-Ħelsien.”
Il-Kunċert se’ jittella’ nhar it-Tlieta 23 ta’ April fit-8:30pm. Dan il-kunċert huwa bla ħlas u tistgħu tibbukkjaw il-biljett tagħkom fuq showshappening.com
Comments