Festivals Malta qed tilqa’ proposti ta’ interess għall-kitba, produzzjoni, preżentazzjoni u eżekuzzjoni tal-qarċilla waqt l-attivitajiet tal-Karnival 2025.
Il-Qarċilla hi produzzjoni teatrali “tat-triq” satirika li kienet sinonima fost
l-attivitajiet tal-Karnival li kienu jsiru f’pajjiżna fil-passat.
Mill-2014, il-programm tal-Karnival reġa’ beda jintegra din il-forma ta’ teatru tat-triq tradizzjonali fil-programm tal-Karnival. Għalhekk hu mistenni li min jitħajjar jippreżenta tali rappreżentazzjoni jkun għamel ir-riċerka neċessarja biex kemm l-awtur, id-direttur u l-artisti jkollhom għarfien dwar it-tradizzjoni ta’ tali rappreżentazzjoni u tali jiġi rifless fil-preżentazzjoni li tkun maħsuba biex tittella’.
Il-Qarċilla tikkonsisti f’kitba satirika bil-Malti li tieħu struttura ta’ kuntratt ta’ negozjar għad-dota.
Fiha tipikament ikunu involuti għarusa u għarus flimkien ma’ nutar waqt il-kitba taż-żwieġ. Il-kitba jkollha elementi satiriċi b’suġġetti kontemporanji fuq dak li jkun qed jiġri fil-pajjiż u l-madwar.
Dawk interessati li jtellgħu din il-produzzjoni għandhom jibgħatu l-proposta tagħhom u jinkludu dan li ġej:
idea tal-iscript/kunċett;
pjan għall-preżentazzjoni ta’ dan ix-xogħol teatrali;
dettalji dwar l-atturi, id-direttur eċċ.;
lista tal-kontenut mużikali; u
pjan ta’ implimentazzjoni għal din il-produzzjoni, inkluż kwalunkwe talba għall-ħlas u budget.
Hu mistenni li l-Qarċilla tittella’ fl-apert fi Triq l-Ordinanza, il-Belt Valletta fil-jiem tal-Karnival, bi produzzjoni kull siegħa waqt l-attivitajiet tal-Karnival tas-Sibt u l-Ħadd wara nofsinhar (allura bejn is-2 pm u s-7pm)
Għall-preżentazzjoni tal-Qarċilla fit-triq Festivals Malta se tipprovdi dawl (floodlighting tal-area) u sistema tas-sound li tinkludi dan li jidher hawn taħt:-
Public Address System | Public Address System adekwata b’żewġ self-amplified speakers u l-mikrofoni neċessarji għal rappreżentazzjoni ta’ dan l-istil (ċ. 12-il mikrofonu headset cordless u 6 mikrofoni wired) flimkien ma’ mixer u equipment ieħor neċessarju. |
Floodlights | Żewġ stands li jinkludu erba’ floodlights ta’ 1000W jew l-ekwivalenti tagħhom għar-rappreżentazzjoni fil-post tal-ispettaklu fi Triq l-Ordinanza. |
Jekk huwa meħtieġ, Festivals Malta wkoll tipprovdi sa 12-il crowd control barriers. Kwalunkwe materjal ieħor meħtieg għall-eżekuzzjoni tal-rappreżentazzjoni jrid jiġi pprovdut mill-persuna responsabbli biex tittella’ tali rappreżentazzjoni.
Barra minn dan, ikun mistenni li bi ftehim ma’ Spazju Kreattiv din il-produzzjoni tittella’ f’żewġ jew tlett serati apposta hekk kif maqbula bejn il-partijiet konċernati (fejn meħtieġ b’modifika sabiex tkun addatata għall-ambjent ġewwa t-teatru).
Il-produzzjoni tal-Qarċilla tista’ tittella’ f’postijiet oħra minbarra dawk imsemmija hawn fuq dment li f’kull ċirkustanza jiġi msemmi li din il-produzzjoni hi mtella’ għal u megħjuna minn Festivals Malta.
Is-sottomissjonijiet ta’ espressjoni ta’ interess għall-kitba, produzzjoni u preżentazzjoni tal-Qarċilla waqt l-Attivitajiet tal-Karnival 2025 għandha ssir permezz ta’ email li tintbagħat fuq info.fm@festivals.mt sa mhux aktar tard minn nofsinhar ta’ nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Ottubru, 2024.
Dawk interessati li jibgħatu l-proposta tagħhom għandhom jaċċertaw li huma reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT u għandhom numru tal-VAT.
Comments