top of page
festivalsmalta

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI ‘L-Istorja, Int’ - Imnedija l-attivitajiet marbuta mal-ħamsin sena anniversarju ta’ Malta Repubblika


Kien it-tlettax ta’ Diċembru 1974 meta taħt xita qliel, il-poplu Malti u Għawdxi rħielha lejn Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, biex jassisti għall-ewwel diskors tal-ewwel President tar-Repubblika ta’ Malta, Sir Anthony Mamo. Ħamsin sena wara, il-Maltin u l-Għawdxin, għal darb’oħra ser ikunu mistednin biex f’din l-istess pjazza, jassistu għal storja oħra, l-istorja tagħhom, l-istorja ta’ Malta Repubblika.


‘L-Istorja, Int’ hija t-tema li ġiet magħżula għal dan l-anniversarju, fejn dan il-jum nazzjonali qiegħed jingħata dimensjoni personali u umana, fejn l-istorja ta’ pajjiżna tiġi rikonoxxuta tassew bħala l-istorja ta’ kull ċittadin Malti u Għawdxi.

 

F’konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li l-qofol ta’ dan l-anniversarju ser ikun spettaklu awdjoviżiv ‘L-Istorja, Aħna’ li ser jittella’ fit-13, l-14 u l-15 ta’ Diċembru fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta, fejn il-faċċata tal-Palazz tal-President ser isservi bħala tila moderna li ser tgħin biex tiġi rrakkuntata l-istorja ta’ pajjiżna.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li din it-tema ntgħażlet biex tfakkarna li b’mod kollettiv u anke fuq livell individwali, bħala poplu, kollha konna, u għadna, parti mill-kisbiet li pajjiżna rnexxielu jagħmel bis-saħħa ta’ Malta Repubblika, fejn tul dawn l-aħħar ħamsin sena nkitbet l-istorja ta’ Malta, li fl-aħħar mill-aħħar, hija l-istorja ta’ kull Malti u kull Għawdxi.​

 

“Minkejja li dawn l-attivitajiet ser ikunu okkażjoni ideali fejn niċċelebraw dan l-anniversarju tant importanti, ser ikunu wkoll invit biex kull Malti, kull Maltija, kull Għawdxi u kull Għawdxija jaħdmu id f’id sabiex jipparteċipaw fil-kapitlu li jmiss fl-istorja ta’ pajjiżna – kapitlu li għal darba oħra ser jerġa’ jinkiteb bis-saħħa ta’ kulħadd, kif inkiteb il-kapitlu tal-ewwel ħamsin sena,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal, “Malta u l-poplu Malti u Għawdxi jistħoqqlu li jiċċelebra bil-kbir dan l-avveniment nazzjonali, għaldaqstant qed inħejju ċelebrazzjonijiet kbar u denji li jixirqu u jfakkru l-50 anniversarju ta’ Malta Repubblika. L-ispettaklu ‘L-Istorja, Aħna’ ser ikun qiegħed jirrakkonta l-istorja ta’ Malta matul is-snin - il-kisbiet tagħna, minn fejn bdejna, fejn wasalna u fejn morna wara li sirna Repubblika. Fuq kollox, l-ispettaklu ser ikun qiegħed jirrakkonta l-istorja b’mod uniku.”

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius, qal li Festivals Malta tinsab impenjata sabiex mhux biss tiċċelebra l-50 anniversarju ta’ Malta Repubblika imma twassal lill-poplu Malti u Għawdxi s-sinifikat ta’ dan il-jum hekk importanti fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna. “Festivals Malta, permezz tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjoni Nazzjonali u l-Kumitat Festi Nazzjonali se tkun qed tiċċelebra flimkien mal-poplu Malti u Għawdxi, il-50 anniversarju mindu pajjiżna sar repubblika,” temm jgħid is-Sur Agius.


Iċ-Ċermen tal- Festi Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali Liam Gauci qal li, “Bħala nazzjon, pajjiżna matul is-snin ħadem biex minkejja ċ-ċokon tagħna dejjem inkunu fil-quċċata tad-djalogu internazzjonali. Bħala pajjiż il-mixja biex naslu sa hawnhekk ma kinitx faċli. Il-ħamsin sena anniversarju tar-Repubblika għandu jfakkarna xi tfisser din il-festa. Nazzjon f’nofs il-Mediterran bi storja kbira, li niesu stess imexxu il-futur tiegħu permezz tal-mekkaniżmu tar-Repubblika li din is-sena tagħlaq 50 sena.”

 

Fil-jiem li ġejjin ser tiġi varata kampanja edukattiva bis-sehem ta’ bosta individwi Maltin, Għawdxin u anke persuni li għamlu minn Malta d-dar tagħhom. Permezz ta’ din il-kampanja ser ikunu qegħdin jiġu identifikati l-vantaġġi li pajjiżna jgawdi jew gawda minnhom, minn mindu Malta saret repubblika, filwaqt li jisemmew ukoll mumenti li jibqgħu jisemmew fl-istorja, u l-aspirazzjonijiet għall-futur tal-pajjiż.

 

Kulħadd huwa mistieden sabiex jattendi dan l-ispettaklu fit-13, l-14, u l-15 ta’ Diċembru fil-Belt Valletta. Il-biljetti mingħajr ħlas jistgħu jinkisbu minn fuq showshappening.com

 ​


Photo credit: DOI Alan Saliba


Comments


bottom of page