Iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Festivals Malta
- festivalsmalta
- 12 minutes ago
- 2 min read

Ftehim kollettiv ġdid ġie ffirmat bejn Festivals Malta u l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM), li permezz tiegħu numru ta’ ħaddiema se jibbenefikaw minn żieda fil-pagi tagħhom u introduzzjoni ta’ allowances ġodda.
L-iffirmar tal-ftehim kien ippresedut mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra, u s-Segretarju Permanenti Kevin Mahoney.
Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif dan il-ftehim kollettiv se jara żidiet fil-pagi u allowances għall-impjegati, bil-għan li jittejbu l-pakketti ta’ kumpens u benefiċċji tagħhom b’mod ġenerali. Huwa tenna li l-iskop tal-ftehim kollettiv mhuwiex biss wieħed finanzjarju. Dan ifittex ukoll li jipprovdi gwida ċara dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, bl-għan li jservi bħala aspirazzjoni għal impjegati futuri.
“Dan huwa tassew Gvern li jinvesti fil-ħaddiema tagħna. Festivals Malta qed tistinka sabiex tipprovdi kumpens xieraq lill-impjegati tagħha għall-ħidma tagħhom. Flimkien qed naħdmu biex il-ħaddiema jkollhom l-opportunità li jkomplu javvanzaw fil-karrieri personali tagħhom,” temm jgħid Dr Bonnici.
Aaron Zahra, Chairman ta’ Festivals Malta stqarr, “Il-ħaddiema ta’ Festivals Malta jaħdmu sigħat twal, inkluż fil-weekends u l-festi pubbliċi, ’il bogħod mill-familji tagħhom, sabiex jippreżentaw festivals kbar bħal Mużika Mużika, Notte Bianca u l-Valletta Baroque Festival. Dan il-ftehim qiegħed għaldaqstant jirrikonoxxi x-xogħol u d-dedikazzjoni tagħhom lejn l-arti u s-settur kulturali u jipprovdi kumpens xieraq għal dan.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius tenna li dan il-ftehim, li se jkopri perjodu ta’ ħames snin, huwa pass importanti għall-entità. “Illum permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv qegħdin nirrikonoxxu l-abbiltajiet, ħiliet, u l-esperjenza estensiva tal-ħaddiema tagħna li b’tant dedikazzjoni jtellgħu avvenimenti kulturali tal-ogħla kalibru matul is-sena kollha. Huwa tassew ta’ kburija għalina li qegħdin hawn illum nonoraw dan ir-rikonoxximent.”
Min-naħa tal-UĦM, Antoinette Aquilina - Employment Relations Executive Manager, stqarret “Nixtiequ nirringrazzjaw lill-management ta’ Festivals Malta, lill-uffiċjali tal-IRU, lir-rappreżentanti tal-impjegati, u lill-ħaddiema kollha għall-professjonalità u l-kollaborazzjoni tagħhom matul il-proċess kollu. Dan il-ftehim jirrappreżenta pass pożittiv ’il quddiem biex jiġi rikonoxxut ir-rwol essenzjali tal-impjegati ta’ Festivals Malta fil-kunsinna ta’ avvenimenti kulturali ta’ kwalità għolja għal Malta.”