top of page

Il-Valletta Baroque Festival jirritorna f’Jannar li ġej għall-14-il edizzjoni

  • festivalsmalta
  • 7 hours ago
  • 3 min read
ree

Festivals Malta qed tniedi l-14-il edizzjoni tal-Valletta Baroque Festival li se ssir bejn it-8 u l-25 ta’ Jannar 2026. 

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Dr Owen Bonnici ħabbar id-dettalji tal-14-il edizzjoni tal-festival matul konferenza tal-aħbarijiet fis-Sala dei Cavalieri ġewwa l-Malta Society of Arts. “Il-Valletta Baroque Festival huwa xhieda ħajja ta’ kemm il-wirt kulturali tagħna kapaċi jibqa’ relevanti u jispira ġenerazzjonijiet ġodda. B’dan il-festival, se nagħtu spazju għall-eċċellenza artistika. Huwa ta’ sodisfazzjon li naraw kif sena wara sena l-interess ikompli jikber, u kif Malta qed tafferma ruħha dejjem aktar bħala ċentru kulturali fuq livell internazzjonali,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.



Il-Valletta Baroque Festival jibqa’ wieħed mill-aktar avvenimenti kulturali prestiġjużi f’Malta. “Dan il-festival, li jkompli jikber sena wara sena, joffrilna opportunità unika biex ngħixu mill-ġdid is-sbuħija tal-mużika barokka fi wħud mill-isbaħ postijiet storiċi,” saħaq iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra.


Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, irrimarka li, “Bis-saħħa ta’ festivals bħal dan, Festivals Malta turi l-impenn tagħha bħala aġenzija li tagħti pjattaforma lil fost l-aqwa talent artistiku lokali u internazzjonali. Huwa verament ta’ pjaċir għalina li qegħdin inħabbru l-programm għal edizzjoni oħra ta’ dan il-festival prestiġjuż.”

 

Taħt id-direzzjoni artistika ta’ Kenneth Zammit Tabona, l-14-il edizzjoni tal-festival se tinkludi line-up eċċezzjonali ta’ artisti internazzjonali u lokali, u gruppi rinomati li se jdoqqu f’xi wħud mill-isbaħ postijiet storiċi ta’ Malta. Il-festival jiftaħ b’Messa de Morti à 5 Concertata ta’ Bonaventura Rubino, ippreżentata minn Ensemble La Cantoria taħt id-direzzjoni ta’ Vincenzo Di Betta fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.


Fost il-kunċerti ewlenin fil-programm hemm ukoll il-Quattro Stagioni ta’ Vivaldi, bil-parteċipazzjoni ta’ Charlie Siem, Carmine Lauri u Maximilian Hornung flimkien mal-orkestra ġdida De Valette Chamber Orchestra fit-Teatru Manoel. L-udjenza żgħira tista’ tgawdi wkoll mill-avveniment Chirping of the Nightingale fil-11 ta’ Jannar fit-Teatru Manoel, kunċert interattiv li jintroduċi lit-tfal għad-dinja affaxxinanti tal-mużika barokka permezz ta’ stejjer u mużika.


Spettakli oħra jinkludu kunċert ta’ xogħlijiet vokali sagri mit-Tenebrea Choir, ir-ritorn tal-Valletta Baroque Ensemble, u Bach’s Lutheran Masses mill-Excelsior Choir & Consort. Attrazzjoni ewlenija oħra se tkun il-revival tal-opera barokka Pelopida tal-kompożitur Malti Girolamo Abos, taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Giulio Prandi, direzzjoni teatrali ta’ Brett Nicholas Brown, kostumi ta’ Luke Azzopardi, u disinn tas-sett ta’ Anthony Bonnici. Din l-opra, li rari tittella’, se ssir għall-ewwel darba f’Malta f’produzzjoni sħiħa fit-Teatru Manoel, bl-Arianna Art Ensemble u diversi ismijiet internazzjonali mill-qasam tal-opra. 

 

Il-festival se jsir f’diversi postijiet storiċi fosthom il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Palazz tal-Verdala, il-Palazz ta’ San Anton, Palazzo Parisio, il-Każin Malti, il-Librerija Nazzjonali, it-Teatru Manoel, u diversi knejjes mill-isbaħ madwar Malta. Kull post jipprovdi sfond spettakolari li jsaħħaħ l-esperjenza tal-udjenzi u jgħaqqadhom mal-wirt kulturali għani tal-gżejjer tagħna.


Din is-sena l-festival se jospita wkoll il-konferenza tar-Réseau Européen de Musique Ancienne (REMA) bejn l-20 u t-22 ta’ Jannar. Din il-konferenza tlaqqa’ flimkien mitt organizzazzjoni mis-settur u tgħaqqad programm rikk ta’ sessjonijiet, diskussjonijiet, u skoperti artistiċi fuq il-ġeneru tal-mużika bikrija. Din l-edizzjoni se tinkludi wkoll lectures fuq il-wirt mużikali ta’ Malta. Workshops tematiċi se jindirizzaw it-tranżizzjoni sostenibbli tas-settur tal-mużika, u l-parteċipanti se jkollhom l-opportunità li jippreżentaw il-proġetti tagħhom.


Kenneth Zammit Tabona qal, “Dan il-festival jkompli jikkontribwixxi sabiex ipoġġi lil Malta u lill-Belt Valletta b’mod partikolari fil-pjattaformma internazzjonali tal-mużika u nħarsu ’l quddiem li jkun hemm daqstant entużjasti lokali fl-udjenza daqskemm hemm turisti kulturali minn barra l-pajjiż li jiġu f’pajjiżna u jgawdu mill-arkitettura barokk mill-isbaħ tagħna.”


Il-Valletta Baroque Festival se jsir bejn it-8 u l-25 ta’ Jannar 2026 u huwa organizzat minn Festivals Malta b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Manoel. Il-festival jittella’ bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u Visit Malta, kif ukoll bis-sapport ta’ Schweppes.


Għal aktar informazzjoni u għall-biljetti żur www.festivals.mt/vbf.

Comments


bottom of page