top of page
festivalsmalta

Imfakkra l-ħajja u l-mewt tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila


Ix-xahar ta’ Ottubru huwa marbut mat-twelid u mal-mewt tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila, li twieled f’Ħaż-Żebbuġ nhar it-18 ta’ Ottubru 1871 u miet f’San Ġiljan nhar it-13 ta’ Ottubru 1961.


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, akkumpanjat mis-Sindku tal-Floriana Vincent Borg, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius u r-rappreżentanti tal-Kumitat Festi Nazzjonali, sellmu lill-poeta nazzjonali b’ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri fuq il-mafkar tal-poeta fil-Furjana.

“Il-poeta nazzjonali Dun Karm kien forza importanti biex Malta minn ġens saret nazzjon, mhux biss bit-tħaddim tajjeb immens tal-lingwa Maltija imma anke għall-messaġġi b’saħħithom li kien jgħaddi li sawru sens ta’ identità nazzjonali mill-iktar b’saħħitha. Grazzi għall-poeta nazzjonali, aħna bħala poplu esprimejna bl-aqwa mod l-ambizzjoni tagħna għall-identità tagħna,” qal il-Ministru Owen Bonnici.

Apparti ċ-ċerimonja tal-lum, nhar il-21 ta’ Novembru se tittella’ serata apposta relatata mat-tema taż-żmien fil-Poeżija ta’ Dun Karm. Din is-serata se tittella’ fis-Sala Agatha Barbara, fil-Palazz tal-President, Ħ’Attard. Matul is-serata se jiġu interpretati siltiet mużikali miktuba apposta mill-kantawtur Mario Debono bis-sehem ta’ Corazon Mizzi li wkoll se tmexxi l-istess serata. Apparti minn hekk se jinqraw poeżiji marbuta mat-tema minn Philip Farrugia Randon u tiġi interpretata poeżija bl-isem “Għal Dun Karm” mill-awtur stess Charles Coleiro. Matul is-serata se tiżviluppa taħdita marbuta mat-tema “Iż-żmien fil-poeżija ta’ Dun Karm”.

Comments

Couldn’t Load Comments
It looks like there was a technical problem. Try reconnecting or refreshing the page.
bottom of page