top of page
festivalsmalta

Konkorrenza kbira għal Mużika Mużika - Festival Kanzunetta Maltija



L-Applikazzjonijiet ta’ Mużika Mużika - Festival Kanzunetta Maltija huma magħluqa uffiċjalment


Aktar kmieni illum għalqu l-applikazzjonijiet ta’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija; Festivals Malta tħabbar li rċeviet numru kbir ta’ sottomissjonijiet għal dan il-festival.

Il-Ministru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u L-Gvern Lokali José Herrera, jilqa’ b’sudisfazzjon il-fatt li dan il-festival, wara n-nuqqas tiegħu, ħoloq interess kbir li jiżboq dak mistenni. “Huwa ta’ pjaċir ninnota li Mużika Mużika ser iservi ta’ pjattaforma importanti għall-mużika Maltija”, tenna l-Ministru Herrera filwaqt li jawgura l-kompożituri, l-awturi u l-artisti kollha li ssotomettew il-kanzunetti tagħhom.


Ic-Chairman ta’ Mużika Mużika, Mr Raymond Bugeja qal li dan il-festival intlaqa b’mod pożittiv mis-settur mużikali f’pajjiżna u li l-konkorrenza qawwija tikkonferma dan. “Il-volum ta’ sottomissjonijiet f’dawn it-tlett ijiem juri l-fiduċja u l-entużjażmu tal-artisti tagħna,” kompla jgħid is-Sur Bugeja.


It-tim ta’ Festivals Malta issa ser jibda’ l-proċess li jmiss; l-ewwel pass jinvolvi li l-kanzunetti sottomessi kollha jiġu evalwati minn ġurija esperjenzata, u wara jiġu magħżula l-aħjar 35 kanzunetta. Imbagħad fit-tieni fażi, l-artisti ta’ dawn il-kanzunetti ser jiġu ikkuntatjati biex jesebixxu l-kanzunetta tagħhom semi-live akkumpanjati minn backing track quddiem ġurija professjonali. Ta’ min jgħid li din il-ġurija ser tkun waħda differenti minn dik tal-fażi ta’ qabel. Wara dan l-istadju, jiġu magħżula l-20 kanzunetta li ser tipparteċipa fis-semi-finali tal-festival f’Marzu tal-2021.


Festivals Malta u l-Ministeru jirringrazzjaw lil kull min ssottometta l-applikazzjoni tiegħu għal dan il-festival, kif ukoll lit-tim kollu għad-dedikazzjoni u l-entużjażmu li għandhom biex dan il-festival ikun ta’ suċċess.


Għal aktar informazzjoni fuq Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija irrikori fuq: www.muzikamuzika.org.

Kommentare


bottom of page