top of page

Wirt Kultural Intanġibbli tal-UNESCO: Gusle (Serbja)

Il-Ġonna tal-Argotti

22 ta’ Mejju 2026

19:45

Il-kant bl-akkumpanjament tal-gusle — strument sempliċi b’korda waħda — hija tradizzjoni antika ta’ prestazzjoni li tiffoka prinċipalment fuq l-epiki erojċi. Prattikata għal sekli sħaħ, din it-tradizzjoni sservi kemm bħala forma ta’ memorja storika kif ukoll bħala espressjoni ta’ identità kulturali. Il-prestazzjonijiet jinvolvu interazzjoni dinamika bejn il-performer u l-udjenza u jiddependu ħafna mill-ħila u l-kreattività tas-solista, magħruf bħala guslar. Il-kapaċità tal-guslar li jagħti ħajja lir-rakkont poetiku permezz tal-vuċi, il-ġesti u l-preżenza tiegħu hija ċentrali.


Ir-repertorju jikkonsisti prinċipalment f’għanjiet dwar eroj mitoloġiċi u storiċi, leġġendi mill-passat, episodji mill-istorja u saħansitra anke stejjer aktar reċenti, flimkien ma’ xi ballati u siltiet umoristiċi. Il-prestazzjonijiet iseħħu f’diversi ambjenti, fosthom laqgħat lokali, festivals u avvenimenti kommemorattivi.


Dawn l-għanjiet, li jkopru firxa wiesgħa ta’ temi, jirriflettu l-valuri u l-memorja kollettiva tal-komunitajiet li jżommu ħajja din it-tradizzjoni, filwaqt li n-natura interattiva tagħhom issaħħaħ ir-rabtiet komunitarji. Illum il-biċċa l-kbira tal-guslars jitgħallmu l-bażi tal-kant u tal-istrument minn mużiċisti b’esperjenza fil-familji tagħhom, fil-komunitajiet lokali jew fi ħdan assoċjazzjonijiet tal-gusle, għalkemm it-tradizzjoni ukoll qed tiġi mgħallma wkoll fi skejjel pubbliċi tal-mużika.


Il-gusle ddaħlet fil-lista rappreżentattiva tal-UNESCO għall-wirt kulturali intanġibbli fl-2018.


Dwar l-Artist

Srđan Avdalović twieled fit-2 ta’ Mejju 1994 f’Trebinje, fir-Repubblika Srpska, fil-Bosnja u Ħerzegovina. Huwa temm l-edukazzjoni primarja u sekondarja tiegħu f’Gacko. Fl-2013 mar Belgrad biex jistudja fil-Fakultà tat-Teknoloġija u l-Metallurġija. Matul il-karriera tiegħu bħala daqqaq tal-gusle, Srđan rebaħ diversi premjijiet prestiġjużi. Fl-2010 rebaħ l-ewwel post fil-Festival taż-Żgħażagħ Plejers tal-Gusle tar-Repubblika Srpska, u fl-2019 rebaħ l-ewwel post fil-Festival tal-Plejers tal-Gusle tas-Serbja. Fl-2021 u fl-2023 kiseb it-tieni post fl-istess festival, filwaqt li fl-2022 kiseb it-tielet post. Huwa kiseb ukoll it-tielet post fil-Festival Federali tad-Daqqaqa Serbi tal-Gusle fl-2022 u fl-2025. Mill-2023 ’l hawn, Srđan għandu t-titlu ta’ “National Gusle Player.” Huwa jservi wkoll bħala president tal-Assoċjazzjoni tal-Gusle f’Belgrad, organizzazzjoni ddedikata għall-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-kant epiku tradizzjonali akkumpanjat mill-gusle. Srđan huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal, tifel li jismu Jug u tifla jisimha Mila.


Ara aktar minn dan l-artist:




bottom of page