top of page

Il-Ministru Owen Bonnici u l-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi jżuru x-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin fuq is-sit tal-proġett taċ-Ċentru għall-Arti u l-Kultura fil-Marsa

  • Writer: Festivals Malta
    Festivals Malta
  • 5 days ago
  • 3 min read

​Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici u l-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, żaru x-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin fuq is-sit tal-proġett taċ-Ċentru għall-Arti u l-Kultura fil-Marsa.

 

Għal din iż-żjara kien hemm preżenti wkoll iċ-Chairman ta' Festivals Malta, Aaron Zahra, il-Kap Eżekuttiv ta' Festivals Malta, Frans Agius, kif ukoll id-Direttur Artistiku tal-Karnival, Jason Busuttil.

 

Dan il-proġett, li jkopri medda ta' 15-il tomna, jikkostitwixxi wieħed mill-akbar investimenti infrastrutturali ppjanati minn Festivals Malta, parzjalment finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), bil-għan li jkompli jsaħħaħ il-qasam kulturali f'pajjiżna permezz tal-ħolqien ta' spazju modern u dinamiku ddedikat għall-arti u l-kultura.

 

Attwalment qed jiġi ffinalizzat it-twaqqigħ ta' dak li qabel kien il-garaxx tal-Gvern, kif ukoll skavar u tħammil sabiex isir il-pedament tal-proġett.

 

Il-Ministru Owen Bonnici qal li, “Dan il-proġett huwa xhieda ċara tal-impenn kontinwu tal-Gvern biex jinvesti fil-kultura bħala pilastru ewlieni tal-iżvilupp nazzjonali. Iċ-Ċentru għall-Arti u l-Kultura fil-Marsa se joffri opportunitajiet ġodda lill-artisti Maltin u se jservi bħala ċentru vibranti fejn il-kreattività tista' tiffjorixxi." Huwa żied jgħid li dan l-ispazju mhux biss se jservi bħala infrastruttura moderna għall-produzzjonijiet kulturali, iżda wkoll bħala punt ta' laqgħa għall-komunità, fejn il-kultura ssir aktar aċċessibbli għal kulħadd.

 

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi sostna li, “Dan il-proġett juri kif il-fondi Ewropej qed jintużaw biex jinħolqu spazji moderni u opportunitajiet ġodda għall-artisti u l-komunità. Dan huwa investiment li mhux biss isaħħaħ is-settur kulturali, iżda jikkontribwixxi wkoll għar-riġenerazzjoni urbana u l-iżvilupp sostenibbli ta' pajjiżna."


Iċ-Ċentru għall-Arti u l-Kultura fil-Marsa se jinkludi diversi faċilitajiet fosthom il-Workshops tal-Karnival, iċ-Ċentru tal-Ispazji għall-Provi tal-Mużika (magħruf qabel bħala r-Rock Hub) u ċentru dedikat għaż-żfin. Iż-żona tal-Karnival se toffri infrastruttura adegwata għall-bini tal-karrijiet, id-disinn tal-kostumi, kif ukoll spazji għall-workshops iffukati fuq is-saħħa u s-sigurtà. Dan se jinkludi wkoll mużew iddedikat għall-wirt tal-Karnival u spazju għall-parati li jista' jospita diversi attivitajiet, installazzjonijiet u wirjiet tal-Karnival.

 

Iċ-Chairman ta' Festivals Malta, Aaron Zahra, sostna li, “Iċ-Ċentru għall-Arti u l-Kultura fil-Marsa se jkun pass importanti lejn infrastruttura kulturali aktar b'saħħitha u aċċessibbli. Dan iċ-ċentru se joffri opportunitajiet ġodda lill-artisti u jsaħħaħ il-komunità kreattiva f'pajjiżna."

 

Barra minn hekk, dan il-proġett se jinkludi teatru b'kapaċità ta' 400 persuna għal wirjiet live, studios għall-provi, u spazji fejn artisti lokali jistgħu jiżviluppaw u jsaħħu l-ħiliet tagħhom. Il-proġett se jakkomoda wkoll l-uffiċċji l-ġodda ta' Festivals Malta, u b'hekk joħloq ċentru ċentrali għall-operat tal-aġenzija.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta' Festivals Malta, Frans Agius, kompla jgħid li, “Dan il-proġett jikkonsolida l-viżjoni ta' Festivals Malta li toħloq spazji li jħeġġu l-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni. Se jkun ċentru fejn it-talenti lokali jistgħu jikbru u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom."

 

Il-viżjoni tal-Hub hija mibnija fuq sitt pilastri ewlenin: iċ-ċelebrazzjoni tal-wirt artistiku tal-Karnival permezz ta' spazji ta' wirjiet u mużewijiet; l-organizzazzjoni ta' attivitajiet kulturali fil-grawnd tal-parati; it-tixrid tal-għarfien permezz ta' inizjattivi edukattivi u workshops; l-appoġġ kemm għal artisti emerġenti kif ukoll għal dawk stabbiliti; il-kollaborazzjoni ma' networks kulturali lokali u Ewropej; u r-riġenerazzjoni kulturali taż-żona tan-Nofsinhar tal-Port fil-Marsa.

 

Permezz ta' dan il-proġett, Festivals Malta qed timmira li toħloq ekosistema kreattiva sostenibbli li tgħaqqad it-tradizzjoni mal-innovazzjoni, filwaqt li tkompli tippromwovi l-eċċellenza artistika u tippreserva l-wirt kulturali Malti.

 

F'dan ir-rigward, id-Direttur Artistiku tal-Karnival, Jason Busuttil, enfasizza li, “Dan il-Hub se jagħti dimensjoni ġdida lill-Karnival Malti, billi jipprovdi faċilitajiet moderni u siguri għall-artisti, filwaqt li joffri esperjenza aktar immersiva u edukattiva għall-pubbliku."

 

Iċ-Ċentru għall-Arti u l-Kultura fil-Marsa mistenni jservi bħala ċentru nazzjonali għall-kreattività u l-espressjoni artistika, li mhux biss jappoġġja lill-artisti iżda wkoll joffri valur kulturali, edukattiv u turistiku lill-pubbliku ġenerali.​​



Comments


bottom of page