Imħabbra total ta’ 63 avveniment ta’ mużika rock permezz tal-iskema Rock’n Malta
- Festivals Malta

- 6 days ago
- 2 min read

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li għas-sena 2026, il-fond ta' Rock'n Malta se jkun qed jappoġġja total ta' 63 avveniment tal-ġeneru tal-mużika rock li minnhom mistennija jibbenefikaw mal-1,800 artist lokali. Dan b'investiment kollettiv ta' €1 miljun.
Amministrat minn Festivals Malta, dan il-fond joffri għajnuna lill-organizzaturi, promoturi, artisti u bands lokali biex jinvestu fl-avvenimenti u l-kunċerti tagħhom bil-għan li jkompli jogħla l-livell ta' attivitajiet relatati mal-mużika rock f'Malta.

Il-Ministru Bonnici qal, “Investiment ta' miljun ewro fil-mużika rock Maltija hu sinjal ċar ta' kemm dan il-Gvern jemmen fit-talent lokali. 63 kunċert u madwar 1,800 artist ifissru opportunitajiet, xogħol kreattiv u aktar ħajja kulturali f'pajjiżna anke f'dan il-ġeneru li hu tant għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin."

Iċ-Chairman ta' Festivals Malta, Aaron Zahra qal li bħal kull sena, dan il-fond qed jirċievi numru kbir ta' applikazzjonijiet minn diversi organizzazzjonijiet u artisti lokali, li juri biċ-ċar l-importanza tiegħu, u l-ħtieġa li jkomplu jinvestu u jsostnu dan l-istess fond. “Rock'n Malta huwa fond li jgħin lil diversi artisti, promoturi u organizzaturi biex dawn itellgħu avvenimenti tal-aqwa kwalità. Ta' kull sena qed jiżdiedu n-nies li javviċinaw lil Festivals Malta biex jibbenifikaw minn dan il-fond, u għal dan il-għan aħna se nkomplu ninvestu f'Rock'n Malta biex inkomplu naraw aktar kunċerti tar-rock ta' kwalità f'pajjiżna minn talent lokali u internazzjonali."

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta' Festivals Malta, Frans Agius qal li, “Għalkemm Rock'n Malta mhux avveniment direttament organizzat minn Festivals Malta, dan il-fond ipoġġi lil Festivals Malta f'pożizzjoni fejn l-aġenzija tipprovdi għajnuna kemm monitarja, kif ukoll konsultattiva fuq diversi avvenimenti tal-mużika rock li jsiru matul is-sena. Ħerqana biex insegwu dawn l-avvenimenti mill-qrib u noffru s-sapport tagħna lill-promoturi, l-organizzaturi u l-artisti lokali u nħeġġu lil dawk kollha li għandhom il-mużika rock għal qalbhom biex ma jitilfux dawn il-kunċerti u attivitajiet."
L-avvenimenti li din is-sena ħa jibbenifikaw mill-fond ta' Rock'n Malta se jittellgħu bejn Jannar u Diċembru tal-2026.
Għal-lista sħiħa tal-benefiċjarji ta' Rock'n Malta u għal aktar informazzjoni żur festivals.mt/rocknmalta.
Comments