top of page

Inawgurata wirja li Tiċċelebra l-Kostumi tal-Karnival fil-Belt Valletta

  • Writer: Festivals Malta
    Festivals Malta
  • 2 hours ago
  • 2 min read

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, Festivals Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv fetħu wirja intitolata Kuluri u Kostumi li hi esebizzjoni fuq il-kostumi tal-Karnival. Din il-wirja se tibqa’ miftuħa sas-16 ta’ Frar u hija miftuħa għall-pubbliku b’xejn fil-Kavallier ta' San Ġakbu fil-Belt Valletta.


Din il-wirja għandha madwar 15-il kostum tal-Karnival maħduma mill-kumpaniji tal-Karnival Nella Carnival Team, The Dancing Angels Birżebbuġa, Shakedancers Hypnotic Dancers Carnival Group, Għaqda Kultura u Armar Marija Annunzjata Tarxien li jifformaw parti mis-sezzjoni Kumpanija B.


Ritratt ta' David Mallia
Ritratt ta' David Mallia

Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Din il-wirja tant sabiħa se tkompli ssaħħaħ u tippromwovi l-wirt kulturali tagħna. Il-wirja Kuluri u Kostumi hija xhieda tal-kreattività, id-dedikazzjoni u x-xogħol bla waqfien tal-kumpaniji tal-Karnival li sena wara sena jżommu ħajja tradizzjoni tant maħbuba mill-poplu Malti.”


Huwa kompla jgħid, “Il-Karnival mhuwiex biss ċelebrazzjoni, iżda parti mill-identità tagħna u wirjiet bħal dawn fil-qalba tal-Valletta jagħtu spazju mistħoqq lill-artisti u l-voluntiera li jagħmlu dan kollu possibbli.”


Ritratt ta' David Mallia
Ritratt ta' David Mallia

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, is-Sur Aaron Zahra, qal li “Il-Karnival jirrikjedi ħafna sigħat ta’ xogħol u dedikazzjoni. Esebizzjoni bħal din, tagħti opportunità usa’ lill-pubbliku lokali u lin-nies li jżuru l-gżejjer Maltin sabiex igawdu dan ix-xoghol.”


"Kuluri u Kostumi timmarka wkoll l-ewwel avveniment li jifforma parti mill-programm tal-Karnival. Il-Karnival jilħaq il-qofol tiegħu bejn it-13 u s-17 ta’ Frar 2026 fil-Belt Valletta u l-Furjana, u jinkludi attivitajiet fis-7 ta’ Frar u t-8 ta’ Frar f’Santa Venera u l-Ħamrun," qal is-Sur Zahra.


Ritratt ta' David Mallia
Ritratt ta' David Mallia

Hu u jikkumenta dwar l-attivitajiet anċillari fil-programm tal-Karnival, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius qal, “Il-Karnival huwa wieħed mill-aktar avvenimenti purament Maltin li għandna f’Malta. Bl-artistrija tal-parteċipanti tal-Karnival, fosthom il-ħajjata u d-disinjaturi tal-kostumi, għandna tradizzjoni li nistgħu niftaħru biha internazzjonalment.”


Ritratt ta' David Mallia
Ritratt ta' David Mallia

“Bħal kull sena, il-livell tal-kwalità tax-xogħol tal-Karnival ikompli jiżdied. Din il-wirja turi għadd ta’ kostumi minn karnivali passati mill-Kumpaniji Sezzjoni B. Dawn il-kostumi jeħtieġu dedikazzjoni kbira sabiex jinħadmu, u minn hawn nixtieq nirringrazzja li kull parteċipant għall-kontribuzzjonijiet tiegħu, ” sostna min-naħa tiegħu d-Direttur Artistiku tal-Karnival ta’ Malta Jason Busuttil.


Għal aktar informazzjoni dwar din il-wirja, wieħed jista’ jżur www.festivals.mt/karnival.


Il-Karnival ta’ Malta 2026 huwa organizzat minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali (Kultura) u huwa megħjun minn Fanta, MCP Car Park, u PAL Malta Communications & Security.

Comments


bottom of page