RIDT & Festivals Malta Jħabbru Kollaborazzjoni
- Festivals Malta

- 12 hours ago
- 2 min read

Ir-Research, Innovation and Development Trust (RIDT) fi ħdan l-Università ta' Malta u Festivals Malta ħabbru kollaborazzjoni li se tibbenefika liż-żewġ entitajiet. Din il-kollaborazzjoni ssegwi l-kollaborazzjoni ta’ suċċess għall-ftuħ tal-Malta Jazz Festival 2025, u se tfisser li wħud mill-avvenimenti ewlenin ta’ Festivals Malta se jkollhom avvenimenti sekondarji li jsiru fl-Università ta’ Malta, kemm fil-kampus ewlieni f’Tal-Qroqq kif ukoll fil-Kampus tal-Belt Valletta. L-RIDT se jingħata l-opportunità li jkun preżenti waqt l-avvenimenti ta’ Festivals Malta biex jippromwovi l-finanzjament tar-riċerka fl-Università ta’ Malta u biex jiġbor fondi għall-istess kawża.
Wilfred Kenely, CEO tal-RIDT, qal li, "din il-kollaborazzjoni hija inizjattiva pożittiva ħafna li se tippermetti lill-RIDT tkun aktar preżenti waqt avvenimenti li jiġbdu l-attenzjoni ta’ nies li jattendu avvenimenti kulturali u għandhom passjoni għall-arti. Parti mill-missjoni tal-RIDT hija li tippopolarizza u xxerred proġetti ta’ riċerka li joħorġu mill-Università ta’ Malta. Aħna grati ħafna għal din l-opportunità."
Frans Agius, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, ikkummenta wkoll dwar din il-kollaborazzjoni, u qal, “Huwa b’sodisfazzjon kbir li Festivals Malta għandha l-opportunità li tikkollabora mal-RIDT. Nemmnu li inizjattivi bħal dawn jiffurmaw parti essenzjali mir-responsabbiltà soċjali korporattiva tagħna, u jikkontribwixxu għal standards tal-għajxien imtejba f’pajjiżna. Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma fundamentali għall-ħolqien ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd. L-iskop tal-arti u l-kreattività jaqbel mill-qrib ma’ din il-viżjoni, u aħna kburin li qed naħdmu mal-RIDT fl-Università ta’ Malta biex nappoġġjaw il-benesseri tan-nies tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri. Permezz ta’ din is-sħubija, qed inwasslu wkoll messaġġ importanti: li l-arti u l-kultura jħallu wirt dejjiemi ta’ benesseri u għandhom rwol vitali fl-iżvilupp tal-umanità.”
Din il-kollaborazzjoni se tinfirex matul is-sena kalendarja 2026 u se tinkludi l-Valletta Baroque Festival, il-Karnival, Mużika Mużika, Festgħana, u l-Malta Jazz Festival.



Comments