Valletta Guitar Festival Brings Three Nights of Guitar to the Heart of Valletta
- Festivals Malta

- 3 days ago
- 2 min read
Il-Belt Valletta, Malta – Bejn l-10 u t-12 ta’ Settembru 2026, l-ewwel edizzjoni tal-Valletta Guitar Festival se jlaqqa’ flimkien mużiċisti ta’ fama internazzjonali għal tlett iljieli ta’ mużika live fit-Teatru Manoel u Pjazza Teatru Rjal.
Organizzat minn Festivals Malta taħt id-direzzjoni artistika ta’ Simon Schembri, il-festival jiċċelebra l-kitarra permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ tradizzjonijiet mużikali, mill-mużika klassika u l-jazz sat-tango, il-gypsy swing, il-mużika Brażiljana u repertorju sinfoniku.
Il-festival jibda nhar il-Ħamis, 10 ta’ Settembru fis-19:30 fit-Teatru Manoel b’The Extraordinary Guitar Night, bis-sehem ta’ Rudi Flores, Sébastien Giniaux, Franco Luciani, Quatuor Éclisses, Yamandu Costa, Sandro Zerafa u Vincent Bourgeyx. Dan il-kunċert ilaqqa’ flimkien diversi dinjiet mużikali f’serata waħda, bi programm varjat li huwa bejn it-tango, il-jazz, il-kitarra Brażiljana u repertorju klassiku.
Nhar il-Ġimgħa, 11 ta’ Settembru fit-20:00, it-Teatru Manoel jilqa’ Yamandu Brasileiro: Encounters in Latin Guitar, immexxi mill-kitarrist Brażiljan ta’ fama internazzjonali Yamandu Costa. Flimkien ma’ João Pita, Fernando Dalcin, Luciano Maia u Carlos Cesar Motta, il-kunċert jiċċelebra ċ-choro, is-samba u l-mużika strumentali Brażiljana permezz tal-kitarra b’seba’ kordi, il-cavaquinho, il-mandolina, l-orgni taż-żaqq u l-perkussjoni.
Il-festival jintemm nhar is-Sibt, 12 ta’ Settembru fit-20:30 f’Pjazza Teatru Rjal b’The Final Symphonic Concert, bis-sehem ta’ Quatuor Éclisses u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Il-programm jinkludi l-Concierto Andaluz ta’ Joaquín Rodrigo għal erba’ kitarri u orkestra, flimkien ma’ xogħlijiet ta’ Albéniz, Bizet, Chabrier u Ravel, u jilħaq il-qofol tiegħu bil-Boléro ikoniku ta’ Ravel.
Flimkien mal-programm ta’ kunċerti, il-festival jinkludi wkoll workshops fil-kitarra jazz, il-kitarra klassika, it-tango u l-gypsy swing fil-Malta Society of Arts. Il-postijiet kollha għall-workshops issa nbiegħu, u dan jirrifletti l-interess qawwi minn mużiċisti u studenti lokali.
Il-Valletta Guitar Festival tfassal kemm għal dawk li huma dilettanti tal-mużika kif ukoll għal dawk li sempliċiment jixtiequ jiskopru xi ħaġa ġdida. Billi jlaqqa’ flimkien artisti lokali u internazzjonali f’uħud mill-aktar spazji kulturali distintivi tal-Belt Valletta, il-festival għandu l-għan li joħloq pjattaforma ġdida għall-prestazzjoni, l-iskambju artistiku u l-iskoperta mużikali.
Il-biljetti għat-tliet kunċerti huma disponibbli minn festivals.mt/vgf.
Il-Valletta Guitar Festival huwa organizzat minn Festivals Malta, bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Kultura, l-Arti u l-Wirt Nazzjonali. Sponsorjat minn Coca-Cola, KM Malta Airlines, l-Ambaxxata ta’ Franza f’Malta u VisitMalta, b’kollaborazzjoni mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u Pjazza Teatru Rjal.
