top of page

Sette
Giugno

Sette Ġunju jfakkar l-irvellijiet ta’ Ġunju 1919 fil-Belt Valletta, meta patrijotti Maltin ipprotestaw kontra l-awtoritajiet Britanniċi; jum li huwa simbolu ta’ reżistenza nazzjonali.

7 TA' ĠUNJU 1919

Sette Giugno

Jum Sette Giugno  – 7 Ġunju 1919

 

Fil-bidu tas-seklu 20, Malta kellha quddiemha diversi problemi politiċi u soċjali. Il-bidu tal-Ewwel gwerra Dinjija ġabet ħafna xogħol u opportunitajiet, iżda l-gżira ma ġietx attakkata direttament. Iżda, l-poplu ġarrab in-nuqqas ta’ ikel. Wara l-gwerra minħabba nuqqas ta’ xogħol, kien hemm ħafna li tilfu l-impjieg tagħhom u dan kompla għamel is-sitwazzjoni aktar diffiċli minħabba in-nuqqas tal-ikel u l-prezzijiet għolja. Fl-istess ħin il-mexxejja politiċi Maltin iltaqgħu bil-għan li jitolbu aktar libertà politika għal Malta.

 

Dan il-moviment, li spiċċa jkun magħruf bħala l-Assemblea Nazzjonali, kien immexxi minn Dr Filippo Sceberras. Kien hemm qbil unanimu li kien hemm bżonn li tintbagħat petizzjoni lill Gvern Ingliż biex tingħata Kostituzzjoni. L-ewwel laqgħa tal-Assemblea inżammet fi Frar 1919. Wara kien hemm aktar laqgħat fil-Belt Valletta. Student Universitarji taw is-sapport tagħhom, speċjalment wara li saru jafu li l-korsijiet tagħhom kienu se jiżdiedu drastikament. Ir-rabja tagħhom spiċċat biex inżammu protesti fit-toroq tal-Belt Valletta.

Sadanittant, kien hemm aktar protesti u rabja fost il-ħaddiema. Segwaċi tal-ħassieb soċjalist, Manwel Dimech, kienu fuq quddiem fit-tixrid ta’ dawn il-protesti. It-twaqqif tal-ewwel unjins kienet diġà uriet it-talba ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar kif ukoll titjieb fil-pagi. It-tmiem tal-gwerra saħħah aktar il-unjins, minħabba li kien hemm żieda ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema minn fuq il-post tax-xogħol.

 

Protesti żdiedu minħabba l-għoli tal-hajja, speċjalment tal-ħobż, li kien il-bażi tal-ikel Malti. Dawn  il-protesti raw il-qofol tagħhom fl-inċidenti traġiċi tas-7 ta’ Ġunju, 1919.

 

F’dak il-jum tas-7 ta’ Ġunju 1919, l-Assemblea Nazzjonali iltaqgħet fil-Belt Valletta biex tkompli tiddiskuti it-talba formali għal Kostituzzjoni aktar libera lil-Gvern Ingliż. Għal din il-laqgħa marru ħafna nies. Studenti Universitarji u grupp imdaqqas ta’ ħaddiema tat-Tarzna kienu barra fejn iltaqgħu il-membri tal-Assemblea Nazzjonali ħalli juru l-appoġġ tagħhom. Sadanittant, aktar nies daħlu fil-Belt Valletta u bdew jgħidu lil tal-ħwienet biex jagħlqu l-bibien tagħhom bħala turija ta’ appoġġ għar-rappreżentanti Maltin. Iżda kien hemm tensjoni kbira hekk kif uħud mis-sidien tal-ħwienet ma ridux jagħlqu, u dan ittieħed bħala insult lejn il-kawża nazzjonali. Dan wassal għall-attakki fuq dawn il-proprjetajiet.

 

L-attakki  fuq proprjetà privata waslet biex jintbagħtu fit-toroq numru ta’ suldati biex jikkontrollaw il-folla. Iżda, minħabba provokazzjoni , is-suldati fetħu in-nar fuq il-folla li ma kienetx armata. Matul jumejn ta’ irvellijiet fit-toroq, erba’ Maltin sfaw maqtula. Dawn kienu Manwel Attard, Guzeppi Bajada, Lorenzo Dyer u Carmelo Abela.

 

Eventwalment l-irvellijiet naqsu, u ingħata bidu għad-diskussjonijiet, li fl-aħħar waslu għal kostituzzjoni aktar libera. Din il-ġrajja importanti waslet biex Malta fl-1921 ingħatat Kostituzzjoni ta’ Gvern Responsabbli, li tat bidu għal vjaġġ lejn Indipendenza ta’ Malta.

 

Infakkru Sette Giugno

 

Lejliet is-7 ta’ Ġunju, jitpoġġew girlandi fuq il-mafkar għal vittmi li hemm fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata mill-Kumitat Festi Nazzjonali, bħala turija ta’ tifkira u rispett. Il-mafkar, li sar fuq disinn ta’ Boris Edwards, kien twaqqaf ftit wara dawn l-inċidenti traġiċi.

Fil-jum tat-tifkira, jkun hemm marċ matul Triq Repubblika, u jintemm f’Misraħ San Ġorġ, quddiem il-mafkar tal-vittmi tas-Sette Giugno, xogħol tal-iskultur Anton Agius. Jattendu għal din iċ-ċerimonja jkun hemm l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u membri Parlamentari. Jingħata diskors tal-0okkazzjoni mill-Ispeaker tal-Kamra, jindaqq il-Last Post, minuta silenzju, u tindaqq Reveille.  L-attività tiġi fit-tmiem tagħha bit-tqegħid tal-girlandi mill-uffiċjali preżenti u d-daqq tal-Innu Nazzjonali. Ċerimonja simili tinżamm fix-Xagħra Għawdex, fejn ikun imfakkar wieħed mill-vittmi li kien minn dan ir-raħal.

 

 

 

bottom of page