top of page

Jum il-Vitorja

Commemorates riots which occurred in the Crown Colony of Malta on 7 June 1919 over a cost-of-living crisis in the colony. British troops eventually managed to suppress the riots, killing four in the process.

1565 - 1800 - 1942

Jum il-Vitorja

Tifkira ta’ Jum il-Vitorja

 

F’Malta Jum il-Vitorja hija festa nazzjonali, li tonora tlett assedji kruċjali li seħħew fl-istorja ta dawn il Gżejjer. Mijiet ta Maltin bil-qlubija tagħhom issagrifikaw ħajjithom biex jiddefendu l-art twelidhom waqt dawn l-assedji. Għadd li dawn l-avvenimenti ikopru tlett perjodi storiċi differenti, kull wieħed kellu sehem sinifikanti fil-bidla li saret f’Malta kemm politikament kif ukoll soċjalment.

 

Iċ-ċeremonja uffiċjali ta' Jum il-Vittorja issir ħdejn il-monument nazzjonali tal-Assedju il-Kbir f’Misraħ L-Assedju il-Kbir fi Triq ir-Repubblika. Dan il-monument oriġinarjament ġie mwaqqaf biex jfakkar ir-rebħa tal-Assedju il-Kbir tal 1565, iżda illum il-ġurnata jirrappreżenta it-tlett avvenimenti importanti li jiġu imfakkra f’dan il-jum.

 

Għal din iċ-ċeremonja li ssir quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir jattendu il-Prim Ministru ta’ Malta u l-għola uffiċjali tal gvern. Mistieden distint magħżul mill-Prim Ministru, jagħmel diskors li jirrifletti it-tbatija li għaddew minnha il-ġenerazzjonijiet tal-passat, kif ukoll il progress li sar f’Malta matul iż-żminijiet. Wara ikun hemm it-tqegħid tal-kuruni biex jonoraw il-qalbiena tan-nazzjon. Din it-tradizzjoni kienet inbdiet fl-1927, f’jum l-inawgurazzjoni tal-mafkar.

 

Wara li kien hemm waqfien miċ-ċelebrazzjoni minħabba it-Tieni Gwerra Dinjija, Dun Karm Psaila il-poeta nazzjonali kien intgħażel bħala l-ewwel kelliem.  Illum il-ġurnata, l-avveniment jiġi fi tmiemu bid-daqq tal-Innu  Nazzjonali.

 

Lejliet Jum il-Vitorja, l-Arċisqof ta’ Malta iqaddes quddiesa Pontifikali f’waħda mill parroċċi iddedikata lit-Twelid tal-Madonna, magħrufa ukoll bħala Il-Madonna tal-Vitorja.  L-erbgħa parroċċi b’din id-dedikazzjoni huma il-Mellieħa, in-Naxxar, Senglea u ix-Xagħra Għawdex. Insibu aktar knejjes żgħar b’din id-dedikazzjoni li ukoll jiċċelebraw din il-festa nazzjonali u reliġjuża tant importanti.

 

Fit-8 ta Settembru, il-President ta’ Malta flimkien mal-President tal  kumitat Festi Nazzjonali ipoġġu fjuri fuq il-monument tal-Assedju il-Kbir fil Belt Valletta, u wara ikun hemm parata mill Forzi Armati ta’ Malta. Jitpoġġew ukoll kuruni fuq l-oqbra tal-vittmi tal-Assedju fil-Forti Sant’Anglu, fuq il-monument tal-Vitorja fil-Birgu, il-monument tar-Rebħiet fl-Isla, u  fuq l-oqbra tal-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija fiċ-ċimiterju tal-Addolorata. Wara Nofsinhar issiru it-tiġrijiet tradizzjonali tad-dgħajjes  magħrufa bħala ir-Regatta fil-Port il-Kbir.

 

L-Assedju l-Kbir 1565

 

Fl-1565 Malta kienet isservi bħala bażi tal-Ordni Ospitaliera ta’ San Ġwann. L-attakki frekwenti  fuq il-bastimenti u territorji Ottomani mill-Ordni wassal biex flotta kbira Ottomana tersaq lejn Malta f‘Mejju 1565. Il-Maltin malajr sabu kenn fil-ftit fortifikazzjonijiet li kienu jeżistu, prinċipalment Forti Sant Iermu, Birgu, l-Isla u l-Imdina.

 

L-Ottomani bdew l-attakki fuq Forti Sant Iermu, li għalkemm ġarrab bumbardamenti ħorox irnexxa jirreżisti l-attakki għal kważi xahar sħiħ. Wara l-waqa’ tal-Forti Sant Iermu, l-Ottomani tefgħu ħarsithom lejn Forti Sant Anglu, il-Birgu u l-Isla.  Għalkemm kontinġent żgħir ta għajnuna wasal f’Lulju, kien bil-wasla tal Gran Soccorso, l-għajnuna l-kbira, li fit-8 ta’ Settembru ġegħlet  lill-Ottomani biex itemmu l-assedju.  Din ir-rebħa tat bidu għal bini ta belt fortifikata ġdida, il-Belt Valletta.

 

L-Imblokk tal-Franċiżi 1798-1800

 

Kien is-Sajf tal 1798 meta intlemħet flotta kbira Franċiża riesqa lejn ix-xtut Maltin. Kienet l-ispedizzjoni ta Napuljun għall-Eġittu, li ried jassigura bażi fil-Mediterran minħabba l-gwerra kontra l-Ingliżi. Kontra kull liġi internazzjonali, Napuljun talab biex jidhol fil-portijiet ta Malta bil-flotta tiegħu, talba li ġiet irrifjutata mill-Gran Mastru Ferdinand von Hompesch. B’dik l-iskuża, Napuljun ordna l-invażjoni ta’ Malta. Fi ftit jiem, il Gran Mastru ċeda għat-truppi Franċiżi.

 

Matul is-7 t’ijiem li għamel f’Malta, Napuljun ipprova jintroduċi numru ta’ riformi u fl-istess ħin inaqqas l-influwenza tal-Knisja f’Malta. Iżda dawn malajr waslu għat-tgergir u skuntentizza mill-Maltin. It-tensjoni żdiedet meta fit-2 ta’ Settembru, waqt irkant ta’ oġġetti minn knisja, qajmu irvell. Dan malajr sar wieħed vjolenti, u l-istess kmandant Franċiż spiċċa inqatel. Dan l-inċident ta bidu għall-imblokk tal-Franċiżi li irtiraw wara is-swar tal-madwar il-portijiet tal-Belt Valletta.

 

Il-Maltin mill-ewwel talbu l-għajnuna tar-Re ta’ Napli, li talab l-għajnuna tal-Flotta Ingliża li kienet fil-Bajja ta’ Napli. L-imblokk marittimu sar mill-bastimenti Ingliżi u Portugiżi, filwaqt li l-Maltin komplew bl-imblokk tagħhom minn fuq l-art. Wara sentejn ta’ resistenza mill-bidu tal-qawmien tal-Maltin, il-Franċiżi ċedew nhar il-5 ta’ Settembru 1800.

 

It-Tieni Gwerra Dinjija 1940-1943

 

Hekk kif l-Italja iddikjarat gwerra kontra l-Alleati fl-1940, Malta, li kienet il-bażi navali tal-Ingliżi, spiċċat fin-nofs tal-ġlied. Ftit siegħat wara id-dikjarazzjoni tal-gwerra, fil-11 ta’ Ġunju, Malta sfat attakkata mill-ewwel attakk mill-ajru. Dan ta bidu għal attakki mill-ajru kontinwi fuq Malta, attakki li ġabu ħafna tbatija fuq il-popolazzjoni għal matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Mwiet u tiġrif ta’ bini komplew jiżdiedu, filwaqt li kompliet tonqos il-ħażna tal-munizzjoni, fjuwil u ikel, wassal lid-difiża ta’  Malta f’qagħda kritika.

 

Numru ta’ konvojs intbagħtu lejn Malta biex iwasslu l-bżonnijiet neċessarji. Ħafna minnhom ma’ waslux Malta minħabba l-attakki kontinwi mill-għadu kontrihom. Fl-1942, kien hemm organizzat konvoj ieħor, li ingħata l-isem ta’ “Operation Pedestal”. Dan kellu jkun l-aħħar tentattiv disprat biex iwasslu l-aktar bżonnijiet neċessarji, qabel ma’ Malta iċċedi. Dan il-konvoj kien jikkonsisti f’14il-bastiment tat-trasport u 44 bastimenti tal-gwerra. Dan il-konvoj telaq minn Ġibiltà, u matul il-vjaġġ lejn Malta kellu jħabbat wiċċu ma attakki kontinwi mill-ajru u mill-baħar. Numru ta’ bastimenti intilfu, iżda ħames bastimenti tal-merkanzija, kif ukoll SS Ohio li kien mimli fjuwil , irnexxilhom jaslu Malta. kien fil-15 ta’ Awwissu 1942, il-jum li fih f’Malta tkun iċ-ċelebrata l-Festa ta’ Santa Marija, li SS Ohio daħal fil-Port il-Kbir. Dan kien li wassal li dan il-konvoj jingħata l-isem ta’ “Il-Konvoj ta’ Santa Marija”.


Ir-Re Ġorġ VI onora lil Malta bil-George Cross bħala rikonoxximent tal-kuraġġ u resistenza tal-poplu Malti, unur li aktar tard tpoġġa fuq il-bandiera nazzjonali ta’ Malta.

 

bottom of page