top of page
  • Writer's pictureFestivals Malta

Aġġornament rigward il-Programm ta’ Attivitajiet marbuta ma’ Jum il-Vitorja




Festivals Malta qed tinforma lill-pubbliku li kawża tal-maltemp iċ-ċerimonja ta’ Jum il-Vitorja li kienet skedata llejla se tiġi mfakkra b’mod ridott permezz ta’ tqegħid tal-fjuri mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż. Iċ-ċerimonja ridotta llejla se tibda fis-19:00hrs.

L-attivitajiet skedati għal għada, il-Ħamis, 7 ta’ Settembru, u nhar il-Ġimgħa, Jum il-Vitorja, se jibqgħu fis-seħħ.

Fis-7 ta’ Settembru, iċ-ċelebrazzjonijiet ikomplu fil-lokalità tan-Naxxar b’quddiesa pontifikali fil-Knisja Arċimatriċi u Arċipretali ta’ Marija Bambina. Għal din l-okkażjoni se jattendu Dr George Vella, President ta’ Malta, u Dr Robert Abela, Prim Ministru ta’ Malta. Mal-wasla tal-President ta’ Malta, jingħata salut nazzjonali u ssir spezzjoni tal-gwardja tal-unur.

F’Jum il-Vitorja, nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ Settembru, iċ-ċelebrazzjonijiet ser jibdew bit-tqegħid ta’ kuruna mill- President ta’ Malta, akkumpanjat miċ-Chairperson tal-Kumitat Festi Nazzjonali u mis-sindku tal-Belt Valletta fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir, il-Belt Valletta. Wara, rappreżentanti tal-Kumitat Festi Nazzjonali jfakkru Jum il-Vitorja bi tqegħid ta’ kuruni fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata fejn jiġu mfakkra l-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija. Iċ-ċerimonja tkompli bi tqegħid ta’ kuruni mal-monument ta’ Malta Rebbieħa fl-Isla u wara mal-monument tal-Assedju f’Misraħ ir-Rebħa, il-Birgu. Fl-aħħar nett, jitqiegħdu l-kuruni fuq il-qabar tal-vittmi tal-Assedju f’Forti Sant’Anġlu fil-11:00hrs.

Iċ-ċelebrazzjonijiet imbagħad jintemmu bir-regatta tradizzjonali fil-Port il-Kbir, bl-ewwel tiġrija skedata li tibda fin-12.30pm.







bottom of page