top of page

Il-Ħamis li ġej jirritorna l-festival Mużika Mużika – Il-festival li jippromwovi l-Mużika Maltija.

  • festivalsmalta
  • Mar 24
  • 2 min read

Ritratt: Lorella Castillo
Ritratt: Lorella Castillo

Waslet edizzjoni oħra ta’ Mużika Mużika – wieħed mill-akbar festivals lokali organizzat minn Festivals Malta li jiċċelebra l-mużika Maltija. Il-Ħamis li ġej, 16-il artist lokali se jitilgħu fuq il-palk grandjuż ta’ Mużika Mużika, fejn se jippreżentaw il-kanzunetti tagħhom għall-ewwel darba. Issa fil-ħames edizzjoni tiegħu, Mużika Mużika huwa magħruf għall-ispettaklu ta’ livell għoli li jsir fuq tliet serati: L-Ewwel Serata, is-Serata tal-Klassiċi, u s-Serata Finali.



Ritratti - Elisa von Brockdorff, Kurt Mizzi u Lorella Castillo


Din is-sena, l-Ewwel Serata tal-festival mhux se tinkludi fażi eliminatorja. Minflok se ssir votazzjoni li hija esklussivament miftuħa għall-membri tal-udjenza permezz ta’ app dedikata bl-isem ta’ ‘Mużika Mużika: Il-Vot tas-Sala’. Il-voti miġbura minn din l-app, ser jiġu mgħaduda mal-voti tas-Serata Finali li se jsir permezz tat-televoting, fejn il-vot totali se jiddetermina r-rebbieħ tal-ħames edizzjoni tal-festival.

 

Il-membri tal-pubbliku li se jkunu qed jattendu għas-serata tal-Ħamis 27 ta’ Marzu huma mħeġġa li jniżżlu l-App billi jsegwu l-istruzzjonijiet provduta fuq il-biljetti tagħhom. Minn hemm, wieħed jista’ jirreġistra l-vot tiegħu minn qabel biex ikun ippreparat għall-votazzjoni tal-Ħamis. Ir-reġistrazzjoni tal-Vot tagħlaq il-Ħamis stess, fit-8:30 ta’ filgħaxija.



Waħda mis-serati l-aktar popolari mas-segwaċi tal-Festival, hija s-Serata tal-Klassiċi. Din il-lejla mhux kompetittiva tieħu s-segwaċi tagħha lura fil-passat permezz ta’ diski ikoniċi li jagħmlu parti importanti mill-wirt mużikali ta’ pajjiżna. Aspett li jispikka f’din is-serata partikolari huwa l-fatt li l-artisti li qed jikkompetu fil-festival jiġu akkumpanjati minn diversi kantanti popolari li din is-sena jinkludu artisti bħal Frank O’Neill, Joe Carr, Catherine Vigar, Augusto Cardinali, Thea Garrett, Amber, Mary Spiteri u ħafna oħrajn.

 

Din is-sena se jkunu qed jieħdu sehem ukoll The Tenors, bħala mistiedna speċjali fis-serata tal-Finali, s-Sibt 29 ta’ Marzu. The Tenors, huma grupp ta’ fama internazzjonali magħrufa għall-vuċi distinta tagħhom. Bi stil li jgħaqqad il-klassiku mal-pop, folk u r-rock The Tenors jirnexxilhom jagħtu interpretazzjoni differenti ta' kanzunetti klassiċi bħal "The Prayer", "Nessun Dorma”, “Forever Young”, u "Hallelujah", fost oħrajn.



 Il-preparamenti għal Mużika Mużika issa laħqu l-qofol tagħhom, b’ħidma li tinkludi xhur twal ta’ preparazzjoni minn qabel. Bħalissa, it-tim ta’ Festivals Malta qed jaħdem fuq l-aħħar elementi loġistiċi li jinkludu provi tad-dawl u l-mużika orkestrali, preparamenti tal-palk, koordinazzjoni tal-produzzjoni, u ħafna elementi oħra li jikkulminaw fil-produzzjoni tal-ogħla livell li tiġi ppreżentata fuq it-tliet serati.

 

Mużika Mużika se jittella’ bejn is-27 u d-29 ta’ Marzu 2025 fl-MFCC, Ta’ Qali. Il-festival se jkun qed jixxandar ukoll fuq TVM, b’mod dirett. Għal aktar informazzjoni u għall-biljetti wieħed għandu jżur www.muzikamuzika.mt.

 

Mużika Mużika huwa organizzat minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru Għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.

1 comentario


Ricky Jones
Ricky Jones
03 jun

Feel the beat pulse through every jump and dash as the music becomes your guide through levels in Geometry Dash that demand precision and timing.

Me gusta
bottom of page