Investiment rekord ta' miljun ewro bil-għan li jibbenefikaw aktar artisti
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar total ta' 45 kunċert li se jibbenefikaw mill-fond ta' Rock'N Malta għas-sena 2025.
Dan il-fond, li huwa amministrat minn Festivals Malta, jinċentiva lill-organizzaturi, promoturi, artisti u bands lokali biex jinvestu fil-mużika Rock billi joffri għajnuna monetarja kif ukoll gwida fuq livell loġistiku, marketing u aktar.
Il-Ministru Bonnici spjega li Rock'N Malta qed ikompli jikseb popolarità, b'Festivals Malta tirċievi rekord ta' sottomissjonijiet din is-sena. “Dan il-fond żdied għal miljun ewro, biex aktar artisti jibbenefikaw minnu. Dan se jwassal għal 45 proġett b'parteċipazzjoni totali ta' madwar 700 artist, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, u jkompli jsaħħaħ ix-xena mużikali f'pajjiżna. Barra minn hekk, dan l-investiment se jagħti aktar opportunitajiet lil talenti ġodda, isaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn artisti differenti u jkompli jqajjem interess akbar fil-mużika live, u b'hekk ikompli jarrikkixxi l-kultura tagħna," sostna l-Ministru Bonnici.

Iċ-Chairman ta' Festivals Malta Aaron Zahra tkellem fuq l-importanza ta' dan il-fond bil-għan li jkompli jgħin fl-iżvilupp tal-prodott lokali. “Permezz ta' Rock'N Malta, Festivals Malta qed tkompli tinvesti fil-prodott lokali, b'mod partikolari kunċerti tal-mużika Rock u s-sottoġeneri tagħha. Nagħmlu dan, mhux biss biex il-poplu Malti jkompli jgawdi minn kunċerti tal-ogħla kwalità, iżda wkoll biex inkomplu nattiraw viżitaturi biex iżuru lil pajjiżna għal dawn il-kunċerti. Din is-sena kien hemm interess kbir għal dan il-fond u nħarsu 'l quddiem sabiex naraw dawn l-avvenimenti jittellgħu b'suċċess matul ix-xhur li ġejjin," qal Zahra.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta' Festivals Malta, Frans Agius, ta aktar dettalji tal-avvenimenti u kunċerti li se jkunu qed isiru matul din is-sena, u tkellem dwar l-irwol ta' Festivals Malta fl-amministrazzjoni ta' dan il-fond. “Rock'N Malta, li issa ilu jiġi amministrat minn Festivals Malta mill-2017, ta' kull sena qed isaħħaħ l-importanza tiegħu fil-portafoll ta' Festivals Malta. Permezz ta' dan il-fond, it-tim ta' Festivals Malta jkun jista' joffri l-assistenza u l-esperjenza tiegħu kemm f'termini loġistiċi, aspetti ta' marketing, u f'diversi oqsma oħra, biex inkomplu nsaħħu l-livell tal-avvenimenti li jsiru f'pajjiżna."

Il-kunċerti li din is-sena ħa jibbenifikaw mill-fond ta' Rock'N Malta se jittellgħu bejn Frar u Diċembru tal-2025.
Għal-lista sħiħa tal-benefiċjarji ta' Rock'N Malta u għal aktar informazzjoni żur festivals.mt/rocknmalta.
Comments