top of page

Minn Ritmu għal Festgħana: Pjattaforma għall-Għana li Ser Tiffoka fuq l-Għeruq Maltin

  • Writer: Festivals Malta
    Festivals Malta
  • Sep 25, 2025
  • 2 min read

Updated: Sep 29, 2025


Festivals Malta qed tħabbar dehra u isem ġdid għal dak li kien Ritmu Roots Festival. Mill-21 sal-24 ta’ Mejju tal-2026, Festivals Malta ser tkun qed tniedi l-ewwel edizzjoni ta’ dan il-festival taħt l-isem Festgħana, festival bl-għeruq u x-xniexel.


Din id-deċiżjoni biex il-festival jieħu sfumatura differenti ttieħdet wara taħditiet mal-membri tal-komunità tal-għana u wkoll nies li kienu involuti fit-tħejjija ta’ dak li kien il-festival Għanafest, riċerkaturi fil-qasam tal-folklor u t-tradizzjonijiet Maltin, u nies li matul is-snin, iddedikaw ħajjithom għall-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-għana Maltija.  Dan qed isir bl-għan li t-tradizzjoni tal-għana mhux biss tkun apprezzata, imma tingħata pjattaforma nazzjonali siewja sabiex tingħata l-attenzjoni li jistħoqilha.


Din il-bidla minn Ritmu Roots Festival għal Festgħana timmarka wkoll l-ewwel sena tal-festival taħt id-direzzjoni ta’ Prof. Toni Sant. Il-festival li ser ikollu dehra differenti, ser ikollu wkoll għadd ta’ attivitajiet matul is-sena marbutin mal-għana lil hinn mill-attivitajiet prinċipali fl-Argotti f’Mejju sabiex titwassal l-għana fil-komunitajiet ukoll. Dawn qed isiru b’kollaborazzjoni ma’ membri tal-komunità tal-għana, NGOs u kunsilli lokali.


Ritratt ta' Prof. Toni Sant, Direttur Artistiku ta' Festgħana meħud minn Jean Marc Zerafa
Ritratt ta' Prof. Toni Sant, Direttur Artistiku ta' Festgħana meħud minn Jean Marc Zerafa

Prof. Sant huwa riċerkatur lil għandu esperjenza estensiva fir-riċerka tal-mużika Maltija. Huwa l-President u wieħed mill-Fundaturi tal-Fondazzjoni M3P, organizzazzjoni li tiddokumenta u tippromovi l-għarfien dwar il-mużika Maltija, kien id-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv, iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kreattività, mill-2014 sal-2020, u huwa Professur tal-kurazzjoni diġitali fi ħdan l-Università ta’ Salford.


Hu u jikkummenta dwar il-bidliet sinifikanti u l-pjan li qed jitfassal għal Festgħana, Prof. Sant qal li "Festgħana huwa ċelebrazzjoni ta’ wirt l-għana Malti b’opportunità biex titrawwem ġenerazzjoni ġdida ta’ għannejja u daqqaqa. ⁠Huwa essenzjali li niċċelebraw ukoll l-inklużjoni tal-għana fil-lista ta’ wirt kulturali intanġibbli mill-UNESCO għax dan jgħin biex din l-espressjoni kreattiva tradizzjonali tkun apprezzata ukoll fil-kuntest globali”.


Biex issegwu aktar dwar Festgħana u żviluppi marbuta ma’ dan il-festival, żuru l-paġni ta’ Festgħana fuq Facebook u Instagram. Festgħana huwa organizzat minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali.

Comments


bottom of page