• Facebook
  • Instagram
  • YouTube
  • festivalsmalta

Mużika Mużika – Esperjenzi u Opportunitajiet

Kun parti mill-istorja! L-Applikazzjonijiet jgħalqu fil-15 t'Ottubru.

Ritratt ta' Kurt Mizzi

Sitt xhur ilu l-Festival tal-Kanzunetta Maltija ra r-ritorn grandjuż tiegħu permezz ta’ Mużika Mużika. 20 parteċipant ikkompetew b’kanzunetti oriġinali bil-lingwa Maltija, fi spettaklu fenomenali fuq medda ta’ tliet ijiem. Dan ir-ritorn offra kemm pjattaforma tant mixtieqa għall-mużika Maltija, kif ukoll żvog u opportunitajiet ġodda lill-parteċipanti kollha fi żmien inċert għas-settur.


“Il-pandemija ġabet żminijiet diffiċli għal kulħadd, speċjalment għalina l-mużiċisti. Grazzi għal Mużika Mużika, jien kif ukoll sħabi l-parteċipanti rnexxielnha nerġaw nieħdu l-ħajja. Erġajna għollejna l-moral sabiex nerġgħu nibdew ngħixu dak li dejjem ħdimna għalih b’passjoni; il-mużika!” spjega Glen Vella, ir-rebbieħ tal-ewwel edizzjoni ta' Mużika Mużika.


Minkejja l-isfidi kollha, il-festival intlaqa b'mod pożittiv ħafna kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-artisti stess, tant li rnexxielhu jikseb udjenza ta’ madwar 320,000 telespettatur. Mużika Mużika mhux biss prova li l-mużika Maltija tista’ issibha f'ġeneri differenti, iżda espona t-talent abbundanti li għandna f'pajjiżna.


“Festival bħal dan, jagħtik iċ-ċans li tesebixxi l-mużika tiegħek, kemm bħala kantant u fil-każ tiegħi bħala kompożitur u vocal coach ma’ artisti oħra li kienu qed jieħdu sehem fuq livell professjonali. Diffiċli tesperjenza xi ħaga hekk jekk mhux għax tieħu sehem f’xi konkors ta’ livell għoli daqshekk barra minn xtutna,” ikkonkluda Glen.

Ritratt ta' Elisa von Brockdorff

Christian Arding, li rnexxielu jirbaħ kemm it-tieni post u l-premju tal-aqwa interpretazzjoni bil-kanzunetta Għajejt Inħobb, ikkumenta dwar l-impatt li ħalla l-festival fil-karriera professjonali tiegħu. “Bla dubju l-festival għeni ntejjeb il-karriera tiegħi. Kelli kummenti u rispons pożittiv ħafna minn wara li tajt il-prestazzjoni tiegħi fil-festival, tant li rnexxieli nesponi aktar it-talenti tiegħi għall-pubbliku. Kienet esperjenza indimentikabbli li qatt ma jien ser ninsa!”


Proprju wieħed mill-għanjiet tal-festival kien li joħloq opportunitajiet ġodda lil gruppi u artisti fix-xena lokali, tant li laqqa' lill-udjenzi ma’ diversi uċuħ ġodda fix-xena mużikali Maltija. Eżempju ċar huwa l-grupp Kantera, li irexxielu jikseb it-tielet post minkejja li ġie ffurmat proprju fi żmien il-pandemija. “Il-festival offrielna opportunità tad-deheb mhux biss biex nuru t-talenti tagħna iżda wkoll biex nuru kif ġeneri differenti ta’ mużika, partikolarment dik folkloristika, tista’ tieħu spinta moderna u toħloq ħoss uniku”.


Norbert Camilleri li għalih dan il-festival kien ta' esperjenza ġdida qal, “Inħossni onorat li rnexxieli nirbaħ il-premju tal-aħjar arranġament mużikali bil-kanzunetta Sinfonija Ħiemda. Permezz ta’ dan l-unur inħossni aktar kunfidenti fil-kapaċitajiet tiegħi, kif ukoll irnexxieli nikseb il-popolarita’ u r-rispett fix-xena mużikali. Il-festival kien organizzat b’mod impekkabbli, speċjalment fejn jidħlu l-preparamenti tal-istudio u l-prekawzjonijiet kollha li ttieħdu minħabba l-pandemija.”


Ritratt ta' Darren Zammit Lupi

Permezz ta’ Mużika Mużika, diversi artisti kemm veterani kif ukoll dawk ġodda fix-xena tal-mużika setgħu jingħaqdu biex jiċċelebraw is-seħer tal-mużika Maltija. Lil hinn mill-kompetizzjoni, l-festival jipprovdi pjattaforma fejn jinħolqu esperjenzi ġodda għall-parteċipanti u opportunitajiet għall-karriera mużikali tagħhom.


Issa l-istorja ser tkompli, bit-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika f’Marzu 2022. Issottometti l-applikazzjoni tiegħek u int tista’ tkun wieħed mir-rebbieħa ta’ dan il-festival tant prestiġjuż. L-esperjenza tiegħek tibda hawn!


L-applikazzjonijiet online jgħalqu fil-15 t'Ottubru. Min jixtieq jissottometti l-applikazzjoni tiegħu bl-idejn jista' jagħmel dan bejn it-13 u l-15 t'Ottubru fl-uffiċini ta' Festivals Malta l-Furjana.