Mużika Mużika Call for Services
- Festivals Malta

- Jul 24
- 3 min read
Updated: Jul 27

Festivals Malta
Festivals Malta hija l-korp governattiv nazzjonali dedikat għat-trawwim u t-tkabbir tal-festivals u l-avvenimenti kulturali f’Malta u Għawdex.
L-aġenzija għandha portafoll varjat ta’ festivals maħsub li jrawwem il-kreattività, il-professjonaliżmu, il-parteċipazzjoni u l-edukazzjoni kulturali fis-settur. Hija responsabbli minn kalendarju annwali b’aktar minn 160 attività differenti mifruxa fuq 11-il festival aċċessibbli u interessanti u 5 avvenimenti nazzjonali. Dawn iservu bħala pjattaforma għall-artisti lokali biex juru t-talent tagħhom u jkunu riflessjoni tal-ħajja kulturali varjata fl-arċipelagu Malti, waqt li jippreservaw it-tradizzjonijiet lokali, irawmu ambjent ta’ kreattività u espressjoni artistika u jsaħħu l-għarfien pubbliku dwar l-arti. Peress li Festivals Malta taġixxi bħala punt ewlieni ta’ kollaborazzjoni u promozzjoni reċiproka fis-settur kreattiv, taħdem ukoll biex isaħħaħ il-profil tal-kultura Maltija fil-komunità u tippromwovi lil Malta fuq livell internazzjonali bħala destinazzjoni ewlenija għall-festivals.
Mużika Mużika
Mużika Mużika, organizzat minn Festivals Malta, huwa festival li jiċċelebra l-mużika u l-lingwa Maltija. Dan il-festival joffri pjattaforma lill-artisti lokali biex juru t-talent tagħhom permezz ta’ kompożizzjonijiet bil-Malti interpretati b’orkestra live. Il-festival għandu l-għan li jippromwovi kompożizzjonijiet bil-Malti billi joffri pjattaforma unika dedikata għall-kompożizzjonijiet bil-lingwa Maltija biss. Dan huwa konformi mal-għan u l-ispirtu oriġinali tal-festival, li jippromwovi lill-kompożituri Maltin tagħna u jagħtihom iċ-ċans li jkunu parti mill-istorja tal-mużika Maltija.
Servizzi Meħtieġa
Sabiex tipproduċi Mużika Mużika, Festivals Malta teħtieġ is-servizzi li ġejjin:
Servizzi ta’ Produzzjoni għat-Televiżjoni (Produttur Eżekuttiv)
Servizzi ta’ Ġestjoni ta’ Proġett Tekniku (Technical Project Management Services)
Disinjatur tad-Dawl u Direttur tal-Fotografija għax-Xandir (Light Designer & Broadcast Director of Photography)
Servizzi ta’ Disinjatur tal-Awdjo għax-Xandir u Inġinier tal-Ħoss (Broadcast Audio Designer & Sound Engineer Services)
Servizzi ta’ Kunċett u Disinn għal Mużika Mużika (Concept and Design Services for Mużika Mużika) 2027
Proċess tal-Applikazzjoni
L-applikazzjonijiet kollha, flimkien mad-dokumenti u l-provi rilevanti meħtieġa skont is-servizz, għandhom jintbagħtu bl-email lil: fm.hr@festivals.mt sa mhux aktar tard mis-7 ta’ Awwissu 2026 f’nofsinhar.
L-applikanti eliġibbli jintalbu jattendu għal intervista ta’ selezzjoni pjanata li ssir fis-27 ta’ Awwissu 2026.
Kundizzjonijiet Ġenerali għas-Sejħiet
Is-Servizzi huma meħtieġa għall-Produzzjonijiet ta’ Mużika Mużika tal-2027, u l-2028 (fejn indikat). Huwa ppjanat li Mużika Mużika 2027 isir bejn il-11 u t-13 ta’ Marzu 2027, filwaqt għall-2028, id-dati se jkunu bejn it-23 u l-25 ta’ Marzu 2028.
Kull fornitur tas-servizz, ħlief dak responsabbli mis-servizzi tal-kunċett u d-disinn (Concept and Design Services for Mużika Mużika), huwa mistenni jkun responsabbli għall-produzzjoni tal-2027 kif ukoll tal-2028.
Il-Kuntratti se jibqgħu attivi għal perjodu ta’ sentejn sakemm jixxandar Mużika Mużika 2028.
Kull fornitur tas-servizz irid jikkomunika mal-fornituri l-oħra sabiex jipprepara l-Kwantitajiet u l-Ispeċifikazzjonijiet kollha (Bills of Quantities and Specifications) għall-ispettaklu sad-data tal-iskadenza stabbilita mill-aġenzija s-sena ta’ qabel l-ispettaklu (jiġifieri, l-ispeċifikazzjonijiet tal-ispettaklu tal-2027 iridu jingħataw sa Settembru 2026, u tal-2028 iridu jingħataw sa Awwissu 2027).
Il-Fornituri tas-Servizzi Tekniċi huma mistennija jkunu disponibbli biex jipprovdu s-servizzi tagħhom esklussivament lil Festivals Malta minn ġimagħtejn qabel ix-xandir tal-ispettaklu, sax-xandir tal-aħħar spettaklu tas-sena. Il-fornituri jridu jkunu preżenti fuq il-post għat-tul kollu tal-provi.
Il-Fornituri tas-Servizzi se jiġu pprovduti bl-ikliet ta’ nofsinhar u ta’ filgħaxija matul il-ġimagħtejn ta’ provi u matul il-jiem tal-produzzjoni.
Il-Fornituri tas-Servizzi jiġu rimborsati għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jsir f’isem Festivals Malta.
Il-Fornituri tas-servizzi magħżula JRID ikollhom livell għoli ta’ kunfidenzjalità. Peress li din hija produzzjoni bbażata fuq kompetizzjoni, l-ebda żvelar ta’ informazzjoni lil kwalunkwe parti terza mhu permess. Kwalunkwe kunflitt ta’ interess li l-persuna magħżula jista’ jkollha għandu jiġi rrappurtat immedjatament lill-Kap Eżekuttiv u tittieħed kwalunkwe azzjoni meħtieġa skont il-każ.
Il-Kundizzjonijiet Ġenerali għall-Kuntratti tas-Servizzi maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti japplikaw għall-Kuntratti mogħtija.
Id-deskrizzjoni tas-servizzi meħtieġa kif ukoll il-kwalifiki u l-esperjenza meħtieġa għal kull servizz jinsabu fil-links hawn taħt.
Ir-rata tar-Remunerazzjoni Annwali għal kull servizz hi elenkata wkoll.


