top of page
  • Writer's pictureFestivals Malta

Festivals Malta jiftaħ l-applikazzjonijiet għal Mużika Mużika 2024

Jiġu ppreżentati wkoll it-trofej lir-rebbieħa tat-tielet edizzjoni.

Festivals Malta ħabbar li l-applikazzjonijiet għal Mużika Mużika 2024 huma uffiċjalment miftuħa. L-applikanti jistgħu jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom sas-17 ta’ Ottubru 2023. Is-sottomissjonijiet jistgħu jsiru online sa l-4:00 ta’ wara nofsinhar jew b’mod fiżiku bejn is-16 u s-17 ta’ Ottubru 2023 fl-uffiċċju ta’ Festivals Malta, bejn id-9:00 ta’ filgħodu u l-4:00 ta’ wara nofsinhar.


Festivals Malta ppreżenta wkoll t-trofej lir-rebbieħa tat-tielet edizzjoni ta’ Mużika Mużika li saret nhar it-23, l-24, u l-25 ta’ Marzu 2023. Il-Ministru Bonnici qal kif għat-tielet sena konsekuttiva, Mużika Mużika rnexxielu jissupera l-aspettattivi kemm tal-kantanti, l-kompożituri, u l-awturi, kif ukoll tal-udjenzi numerużi li jsegwu dan il-festival bi ħġarhom.

Ritratt: Vince Piscopo

“Ninsab ċert li Mużika Mużika tas-sena d-dieħla se jkun suċċess ukoll u se jkompli jiċċelebra bl-aqwa mod is-sbuħija tal-lingwa Maltija li tgħaqqadna u ġġibna flimkien bħala poplu," qal Dr Bonnici.


L-edizzjoni tal-2023 intrebħet mill-kanzunetta Sabiħa, interpretata minn Gianluca Bezzina, b’lirika ta’ Joe Julian Farrugia, u mużika ta’ Philip Vella. Il-kanzunetta Jekk Mhux Int, interpretata minn Drakard u Lisa Gauci, fuq kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Cyprian Cassar klassifikat fit-tieni post, waqt li l-kanzunetta M’Hawnx Bħalek interpretata minn Jasmine Abela, fuq kliem ta’ Philip Vella u mużika ta’ Glen Vella klassifikat fit-tielet post. Waqt il-konferenza stampa, ġew ppreżentati t-trofej kommemorattivi lil Ryan Paul Abela għall-Aħjar Arranġament tal-kanzunetta Fuq Pultruna, interpretata, miktuba u mmużikata minn Mark Micallef Costa, u lil Jasmine Abela għall-Aħjar Interpretazzjoni tal-kanzunetta M’Hawnx Bħalek. F’ċerimonja separata l-kompożituri tal-kanzunetti li klassifikaw fl-ewwel, it-tieni u t-tielet post ġew mgħotija l-premju monetarju ta’ €20,000, €10,000, u €5,000 rispettivament.

Ritratti: Vince Piscopo


Waqt il-konferenza stampa ċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius, iċ-Chairman tal-Bord ta’ Mużika Mużika Raymond Bugeja, u id-Direttur Artistiku Paul Abela , tkellmu fuq is-suċċess u l-livell li rnexxielu jilħaq il-festival u saħqu li ser tkompli l-ħidma biex dejjem jintlaħqu miri ġodda. Huma ħeġġu lill-kantanti, lill-kompożituri, lill-awturi u l-bands, kemm emerġenti kif ukoll dawk stabbiliti, biex japplikaw għar-raba’ edizzjoni tal-festival u jkunu parti mil-legat tiegħu.


Ritratti: Vince Piscopo


Festivals Malta u l-Bord ta’ Mużika Mużika jixtiequ jirringrazzjaw lill-artisti kollha tas-sehem tagħhom fil-festival, filwaqt li jawguraw lir-rebbieħa ta’ din l-edizzjoni.


Ir-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika ser issir bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu 2024. Biex tapplika u tara r-regolamenti ta’ din l-edizzjoni żur www.muzikamuzika.mt.


bottom of page