Imnieda l-Festivals tas-Sajf għall-2026 ta’ Festivals Malta
- Festivals Malta

- Apr 20
- 3 min read
Festivals Malta nediet il-programm kulturali sajfi ta’ Festivals Malta għas-sena 2026. Dan il-programm imżewwaq, jinkludi erba’ festivals diversifikati: Festgħana f’Mejju, il-Malta International Arts Festival f’Ġunju, u l-Malta Jazz Festival flimkien ma’ Dance Festival Malta f’Lulju.

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal “Il-festivals tas-sajf ta’ Festivals Malta huma avvenimenti li joffru varjetà sabiħa ta’ mużika, żfin, teatru, arti viżiva, u aktar għal dawk kollha li għandhom il-kultura Maltija għal qalbhom. Dawn il-festivals, mhux biss isaħħu lil pajjiżna bħala destinazzjoni kulturali għall-istaġun tas-sajf, imma jagħtu opportunità lill-artisti lokali sabiex jesebixxu t-talenti tagħhom. Esperjenza wkoll tingħata lill-artisti internazzjonali li jingħaqdu magħna wkoll f’bosta avvenimenti. Kommessi li bħala Festivals Malta nkomplu naħdmu biex insaħħu l-kalendarju kulturali u biex intejbu l-prodott artistiku tagħna biex dejjem noffru divertiment tal-ogħla kwalità.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius spjega li, “Permezz tal-festivals tas-sajf ta’ Festivals Malta, aħna bħala aġenzija qed jirnexxilna nagħmlu l-kultura aktar aċċessibbli għal kulħadd. Qed nagħmlu dan permezz ta’ programmi diversifikati li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd, u billi nesponu aktar talenti lokali u internazzjonali filwaqt li nżommu l-wirt kulturali Malti fil-quċċata ta’ dan kollu li nagħmlu. Permezz tal-festivals tas-sajf, Festivals Malta qed toffri programm kulturali imżewwaq bil-għan li noffru livell għoli ta’ kwalità, avvenimenti inklussivi u divertiment kulturali rikk għall-udjenzi tagħna.”
Ritratt: Anaca Photography
Il-kalendarju tas-Sajf jiftaħ b’Festgħana, taħt id-direzzjoni artistika ta’ Toni Sant. Festgħana, li se jsir bejn il-21 u l-24 ta’ Mejju huwa l-festival nazzjonali tal-għana bis-sehem ta’ diversi għannejja prominenti kif ukoll l-Aurora Folk Group, il-Baltic Sisters u Kevin Borg. “Permezz ta’ Festgħana se niċċelebraw wirt l-għana Malti b'reviżjoni ta' festival bi storja ta' kważi 30 sena. Dan qed nagħmluh fil-kuntest tal-inkluzzjoni tal-għana Malti fil-lista rappreżentattiva ta' wirt kulturali intanġibbli tal-UNESCO. Għalhekk Festgħana huwa festival bl-għeruq u x-xniexel,” spjega Sant.
Ritratti: Festgħana 2026
Il-Malta International Arts Festival jirritorna bejn it-12 u l-21 ta’ Ġunju b’diversi ġeneri artistiċi bħall-arti viżiva, it-teatru, il-mużika kontemporanja u klassika, kif ukoll iż-żfin. Il-programm jinkludi diversi prestazzjonijiet minn artisti lokali u internazzjonali, kif ukoll elementi kollaborattivi minn membri li huma parti minn diversi komunitajiet artistiċi. Id-Direttur Artistiku Ruben Zahra spjega, “Il-Malta International Arts Festival jittrasforma siti ta’ wirt lokali f’sfond vibranti għal prestazzjonijiet ta’ impatt u innovazzjoni.”
Ritratti: Malta International Arts Festival 2026
Il-Malta Jazz Festival, taħt id-direzzjoni artistika ta’ Sandro Zerafa, huwa kkunsidrat bħala jazz festival awtentiku li joffri varjetà artistika ta’ dan il-ġeneru ta’ mużika minn aspetti differenti. Il-Malta Jazz Festival jilħaq bilanċ perfett bejn elementi popolari mill-mużika jazz u dawk aktar eklettiċi billi joffri programm b’mużiċisti tal-ogħla livell. Zerafa qal, “Din is-sena l-programm jinkludi kuluri differenti li jsawru l-univers tal-jazz: is-swing, il-groove, l-enerġija, l-interplay, mużika mexxejja, u anke dik aktar trankwilla. Il-line-up jinkludi lil Kurt Rosenwinkel, Toninho Horta, u Ghost-Note, kif ukoll parteċipazzjoni lokali, jam sessions u kunċerti għat-tfal, fost ħafna aktar.”
Ritratti: Malta Jazz Festival 2026
Dance Festival Malta, taħt id-direzzjoni artistika ta’ Francesca Tranter se jittella’ bejn it-23 u s-26 ta’ Lulju. Dan il-festival, li jsir fuq erbat ijiem, se jinkludi diversi prestazzjonijiet u masterclasses kemm minn artisti lokali u oħrajn mill-Greċja, Spanja, l-Iżvezja, l-Italja, il-Belġjum u aktar, bil-għan li jgħaqqad il-komunità taż-żfin lokali u internazzjonali fi djalogu artistiku. “Dance Festival Malta joffri pjattaforma fejn il-moviment iqanqal djalogu li jgħaqqad il-ġenerazzjonijiet u kulturi permezz ta’ espressjoni qawwija u esperjenza umana inklussiva. Il-programm jenfasizza vuċijiet u prestazzjonijiet diversi li jispiraw u jirresonaw profondament kemm mal-udjenzi kif ukoll mal-artisti tagħna,” ikkonkludiet Tranter.
Ritratti: Dance Festival Malta 2026
Għal aktar informazzjoni fuq dawn il-festivals u oħrajn organizzati minn Festivals Malta, żur www.festivals.mt.










































