Jagħlqu l-applikazzjonijiet għas-seba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika

Is-Sibt 26 ta’ Settembru għalqu l-applikazzjonijiet għas-seba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika li se ssir bejn il-11 u t-13 ta’ Marzu 2027. Il-festival, li huwa organizzat minn Festivals Malta, stabilixxa ruħu bħala wieħed mill-pjattaformi ewlenin għall-mużika Maltija f’pajjiżna. Mużika Mużika huwa maħbub u rrispettat kemm mill-udjenzi numerużi tiegħu, kif ukoll mill-artisti, kompożituri u awturi li ta’ kull sena jipparteċipaw bi ħġarhom fih.
Bħal kull edizzjoni, Festivals Malta rċeviet numru sostanzjali ta’ applikazzonijiet minn diversi kantanti, awturi u kompożituri, b’kanzunetti li jvarjaw fil-ġeneru mużikali tagħhom.
It-tim ta’ Festivals Malta, flimkien mal-Bord ta’ Mużika Mużika issa se jgħaddi għall-fażi li jmiss fejn is-sottomissjonijiet kollha se jiġu evalwati minn ġurija esperta biex jintgħażlu l-aħjar 30 kanzunetta sottomessa. Wara din il-fażi, il-kanzunetti se jiġu interpretati live f’sessjoni oħra, bl-akkumpanjament ta’ backing track, fejn ġurija differenti minn dik tal-ewwel fażi se tavalwa l-kanzunetti u tagħżel is-16-il kanzunetta finalista.
Festivals Malta u l-Bord ta' Mużika Mużika jixtiequ jirringrazzjaw lill-artisti, kompożituri, u awturi kollha li ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom u jawgurawlhom kull suċċess.
Il-finalisti ta’ Mużika Mużika se jiġu mħabbra wara l-live auditions fix-xahar ta’ Ottubru. Dawn ser jiġu mħabbra permezz ta’ stqarrija separata.
Mużika Mużika 2027 ser isir bejn il-11 u t-13 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla. Għal aktar informazzjoni fuq il-festival żur is-sit www.muzikamuzika.mt.


