top of page

Jitħabbru aktar dettalji għal Mużika Mużika 2026

  • Writer: Festivals Malta
    Festivals Malta
  • 19 hours ago
  • 2 min read

Il-festival se jsir bejn id-19 u l-21 ta' Marzu 2026


Il-festival tant mistenni tal-mużika Maltija, Mużika Mużika organizzat minn Festivals Malta, se jiċċelebra s-sitt edizzjoni tiegħu u se jittella' bejn id-19 u l-21 ta' Marzu 2026.

 

Il-preparamenti għall-festival issa waslu fil-fażi finali tagħhom, b'ħidma intensiva għaddejja mit-tim tal-produzzjoni, mit-tekniċi kif ukoll mill-artisti nnifishom.

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien ma' Festivals Malta, ħabbru li l-biljetti għal dan l-avveniment mużikali issa huma għall-bejgħ, u wieħed għandu jixtri l-biljetti tiegħu mis-sit elettroniku www.muzikamuzika.mt.


 

“Mużika Mużika mhux biss kompetizzjoni, imma ċelebrazzjoni tal-kanzunetta Maltija, tat-talent u tad-dedikazzjoni ta' ħafna u ħafna ħaddiema," stqarr Dr Bonnici. Huwa fakkar il-112-il diska li ħarġu minn meta twaqqaf Mużika Mużika u qal li dan juri l-importanza ta' dan il-festival għaliex qed joħloq legat mużikali importanti, partikolarment fejn tidhol il-lingwa Maltija.


Ritratt: David Mallia
Ritratt: David Mallia

 

Iċ-Chairman ta' Festivals Malta, Aaron Zahra qal li bħal snin preċedenti, l-udjenzi kemm fis-sala kif ukoll it-telespettaturi jistgħu jistennew spettaklu mill-aqwa. “Bħalissa għaddejja ħidma sabiex għal sena oħra, noffru spettaklu tal-ogħla livell u kwalità. Għandna palk spettakolari u uniku, orkestra live u artisti kollha lokali li bla dubju se jingħaqdu fi spettaklu ta' tlett ijiem mimli sorpriżi u divertiment għall-familja kollha. Is-sena li għaddiet segwewna 320,000 telespettatur tul it-tliet serati, u dis-sena qed nistennew aktar," qal is-Sur Zahra.

 


Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta' Festivals Malta, Frans Agius ħabbar li, “Din is-sena se nerġgħu nadottaw il-format tas-sena li għaddiet b'16-il kanzunetta finalista li se jikkompetu kemm fis-serata tal-Ħamis, kif ukoll fis-serata finali tas-Sibt. Qegħdin nerġgħu nagħmlu dan biex il-kanzunetti li tant qed jaħdmu fuqhom l-artisti tagħna jitgawdew u jingħataw il-mertu li jistħoqqilhom. Nirringrazzja lil kull min hu involut fil-festival, inkluż it-tekniċi, il-parteċipanti, l-orkestra, il-backing vocalists, il-preżentaturi kemm ta' din is-sena u dawk preċedenti, u fuq kollox l-istaff ta' Festivals Malta. Mingħajr dan it-tim ta' professjonisti, Mużika Mużika żgur ma jkunx dak li hu."


Ritratt: David Mallia
Ritratt: David Mallia

 

Iċ-Chairman ta' Mużika Mużika, Raymond Bugeja spjega li l-Ħamis 19 ta' Marzu l-votazzjoni se tkun miftuħa għall-udjenza tas-sala biss flimkien mal-ġurija professjonali. Imbagħad, fis-serata tas-Sibt 21 ta' Marzu se jkun hemm it-televoting b'mod normali li se jkun miftuħ kemm għall-udjenza tas-sala u dik televiżiva. Il-voti tal-Ħamis se jingħaddu ma' dawk tat-televoting u tal-ġurija professjonali tas-serata finali. Huwa ħabbar ukoll it-tim ta' preżentaturi: Keith Demicoli, Ira Losco, Jaqcui Losco u Jamie Cardona.

 

Ritratt: David Mallia
Ritratt: David Mallia

Id-Direttur Artistiku ta' Mużika Mużika Paul Abela spjega li l-Ġimgħa 20 ta' Marzu se jkun hemm is-Serata tal-Klassiċi. “Bħal kull sena se jkollna diversi kantanti veterani li se jinterpretaw kanzunetti klassiċi li żgur se jqanqlu nostalġija ma' kull min għandu l-mużika Maltija għal qalbu. Nawgura kull suċċess lill-kantanti, lill-awturi u lill-kompożituri kollha, u nirringrazzjahom għall-professjonalità tagħhom."


Ritratt: David Mallia
Ritratt: David Mallia

 

Mużika Mużika se jittella' fl-MFCC Ta' Qali u se jixxandar ukoll live fuq it-televiżjoni, bejn id-19 u l-21 ta' Marzu 2026 fid-9pm. Il-biljetti għas-sala jinsabu għall-bejgħ. Għall-aħħar aġġornamenti, u aktar informazzjoni dwar il-kanzunetti u l-parteċipanti tal-festival wieħed għandu jżur il-paġni tal-midja soċjali ta' Mużika Mużika u s-sit elettroniku www.muzikamuzika.mt.

Comments


bottom of page